Qorti

L-Avukat tal-vittma jitlob biex jitħaffef il-proċess ħalli ssir id-difna

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Matthew Zahra

L-Avukat Stefano Filletti f’isem il-familjari ta’ Matthew Zahra, li kien għeb nhar il-15 ta’ Awwissu tas-sena 2012 u nstab midfun f’għalqa fil-Qajjenza f’Lulju tal-2013, għamel appell fil-Qorti tal-Maġistrati biex mill-aktar fis possibbli espert imqabbad mill-Qorti jiddentifika l-fdalijiet tiegħu sabiex tkun tista’ ssir difna b’mod onorabbli.

Dan l-appell mill-Avukat Filletti sar meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, u Ronald Urry, ta’ 49 min Raħal Ġdid, li huma mixlijin bil-qtil ta’ Zahra, ta’ 27 sena mill-Belt Valletta.

Il-fdalijiet ta’ Matthew Zahra għadhom jinsabu esebiti fil-Qorti u ma jistgħux jiġu rilaxxati qabel ma’ espert jew esperti mqabbda mill-Qorti ma jirilaxxaw il-fdalijiet tal-katavru.

Fil-bidu tal-kumpilazzjoni kienet tqabbdet l-esperta Marisa Cassar, li kienet sabet problemi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ DNA peress li imħallta ma’ fdalijiet tal-għadam uman hemm ukoll fdalijiet ta’ annimali li kienu nstabu midfunin fl-għalqa fil-Qajjenza.

Wara kien tqabbad espert ieħor li ma kienx aċċetta l-inkarigu u issa l-familjari ta’ Matthew Zahra b’mod partikolari, missieru u t-tfajla tiegħu għadhom jistennew biex l-għażiż tagħhom wara dan iż-żmien kollu ikollu funeral u difna onorabbli.

Kien hawn li l-Avukat Stefano Filletti talab lill-Qorti biex tissolva din is-sitwazzjoni u li ta’ l-anqas parti sew mill-ġisem ta’ Zahra li jidher li jinsab f’ li xkora esebira fil-Qorti jiġi rilaxxat. Il-ġisem ta’ Zahra kien instab meta kienet qed issir tfittxija għal Mario Camilleri, magħruf bħala ‘l-Imnieħru’ u ibnu, Mario Camilleri Jr.

Sadanittant meta nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Lulju mistennija tkompli l-kumpilazzjoni mistennija ssir t-tratazzjoni għal liberta’ proviżorja mid-difiża u l-Prosekuzzjoni. Dan il-ka kien qed jinstema’ minn dik li kienet Maġistrat Edwina Grima, iżda wara li din saret Imħallef il-każ għadda f’idejn il-Maġistrat Josette Demicoli.

Fil-Qorti tal-Maġistrati għadhom qegħdin jinġabru l-provi dwar il-każ fejn ukoll għad baqa’ numru ta’ esperti biex jixhdu, bl-akkużati fil-futur mistennija jgħaddu ġuri fil-Qorti Kriminali.

L-Avukati Franco Debono u Mario Camilleri qegħdin jidhru għal Ronald Urry filwaqt li l-Avukat Joseph Giglio qed jidher għal Jason Galea. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Chris Pullicino, Michael Mallia, Louise Calleja u Fabian Fleri