Qorti

L-Imħallef Farrugia Sacco jappella

Għoxrin ġurnata wara li l-Imħallef Lorraine Schembri Orland ikkonkludiet li ma kellux id-drittijiet tiegħu miksura mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, l-Imħallef Lino Farrugia Sacco appella mid-deċiżjoni quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. L-Imħallef Farrugia Sacco se jirtira bl-età f’Awwissu li ġej.

L-Imħallef Farrugia Sacco kien ilmenta li meta l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kienet ressqet it-tieni mozzjoni għat-tneħħija tiegħu mill-kariga ma reġgħetx semgħet x’kellu xi jgħid kif għamlet fuq l-ewwel mozzjoni.

Madankollu fil-5 ta’ Ġunju li għadda l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Schembri Orland, ċaħditlu l-ilment fejn qalet li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja ma kissritlu ebda dritt meta ressqet it-tieni mozzjoni għat-tneħħija tiegħu mingħajr ma semgħet x’kellu xi jgħid għax it-tieni mozzjoni kienet “sostanzjalment identika” għall-ewwel waħda.

L-ewwel mozzjoni fil-konfront tal-Imħallef Farrugia Sacco kienet tressqet fil-15 ta’ Diçembru 2012 mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Lawrence Gonzi, imma wara li nbidel il-Gvern u l-Avukat Gonzi ma baqax fil-Parlament, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien iddikjara fit-28 ta’ Jannar li għadda li l-imsemmija mozzjoni kienet “mejta”.

Kien għalhekk li fl-istess jum il-Prim Ministru Joseph Muscat ressaq it-tieni mozzjoni u wara li rreferiha lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni għall-Ġustizzja din nfurmatu li għaliha r-rapport li ħejjiet fl-ewwel mozzjoni kien għadu jgħodd għat-tieni waħda.

Fil-21 ta’ Frar li għadda l-Imħallef Farrugia Sacco beda l-proċeduri Kostituzzjonali tiegħu fejn tenna li kellu d-drittijiet tiegħu miksura meta l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni għall-Ġustizzja ma reġgħetx semgħatu liema talba ġiet miċħuda mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.