Diversi Kapijiet tal-Iskejjel li fl-aħħar jiem ingħataw transfer lejn skola ġdida għamlu talba formali lid-Direttorat tal-Edukazzjoni sabiex issir laqgħa urġenti. Iżda t-tweġiba tad-Direttorat kienet li “id-deċiżjoni hi meħuda” u b’hekk l-laqgħa ġiet rifjutata.
Dan ġie żvelat ilbieraħ meta waqt il-programm .net fuq Net Television kien qed jiġi intervistat is-Senior Vice President tal-Union tal-Għalliema Marco Bonnici.
Il-Viċi President tal-MUT qal illi skont l-informazzjoni li waslet għandu “kien hemm Kapijiet li talbu laqgħa mad-Direttorat, iżda din ġiet rifjutata għax id-deċiżjoni ttieħdet”.
Jidher li din il-laqgħa intalbet tliet ijiem ilu, meta ingħataw it-transfers. U meta sa dak iż-żmien kollox kien għadu qed jinżamm mistur, sakemm ħarġet l-istorja f’In-Nazzjon.
F’.net Marco Bonnici qal illi dak li seħħ fl-aħħar jiem ikompli jikkonferma tendenza ċara ħafna f’dan il-Gvern. Hu sostna li fis-settur edukattiv qed jispikka dejjem aktar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni. “Hemm mod u mod ta’ kif jiċċaqalqu n-nies”, sostna Bonnici.
Kien dan is-sit illi żvela kif il-Ministeru tal-Edukazzjoni ordna numru ta’ transfers ta’ Kapijiet tal-Iskejjel f’dak li qed jigi deskritt minn bosta għalliema bhala ċaqliq li ma hemmx bżonnu, b’mod speċjali fi skejjel fejn kienu mexjin b’mod tajjeb ħafna.
Il-postijiet fejn se jinbidlu l-Kapijiet jinkludu l-Primarja B taż-Żejtun, l-Iskola tax-Xgħajra u l-Iskola tal-Isla fejn hemmhekk il-Kap ilha biss sena fil-kariga, għax qabel kienet Aġent Kap. Ma din il-lista jiżdiedu l-iskejjel tal-Gżira, Ħal Lija, il-Gudja, San Gwann, San Giljan kif ukoll ta’ H’Attard.
Minn informazzjoni li kiseb In-Nazzjon jirriżulta li t-transfers tant kienu mfasslin b’mod riġidu illi lanqas il-Prinċipali tal-Kulleġġi ma kienu infurmati b’dak li qed jiġri.
Fuq Net TV il-Viċi President tal-MUT qal illi minħabba dawn it-transfers il-Kapijiet “ma ingħatawx l-opportunita’ li jwettqu l-istrateġiji tagħhom”. Ikkonferma ukoll li sal-bieraħ kien għadu ma sar l-ebda kuntatt mal-MUT minn naħa tal-Gvern b’rabta ma’ din il-kwistjoni tat-transfers.
Din il-ġimgħa l-MUT kkundannat dawn it-transfers kollha li ngħataw lil numru kbir ta’ Kapijiet tal-iskejjel primarji tal-Gvern, bil-union tiddikjara li għalkemm tirrikonoxxi li d-deployment tal-kapijiet tal-iskejjel huwa prerogattiva tal-Gvern, ma tistax tifhem kif meta jsiru dawn it-transfers ma jigux ikkunsidrati r-rizultati tal-eżercizzji tal-awditjar. Fil-fatt, qalet l-MUT, ċerti transfers lil kapijiet li nstabu li kienu effettivi inghataw xorta ghad-detriment tal-iskejjel u tal-kontinwita’, kif ukoll tal-komunita’.
//= $special ?>