Lokali

Roħs fit-tariffi tar-‘roaming’ għal kull min juża t-telefon ċellulari waqt li jkun imsiefer fl-UE

Minn nhar it-Tlieta li ġej, l-1 ta’ Lulju, kull min juża t-telefon ċellulari waqt li jkun imsiefer fl-UE se jgawdi minn iktar roħs fit-tariffi tar-roaming, jiġifieri meta klijent juża l-mobile barra minn pajjiżu fuq network ċellulari ta’ kumpanija oħra f’pajjiż ieħor.

Wara r-roħs fir-roaming għat-telefonati, li se jkompli, issa l-akbar roħs imħabbar fl-aħħar sigħat hu fir-roaming tad-data, jiġifieri meta wieħed jaċċessa l-internet, l-email jew is-social networks fuq il-mobile meta jkun imsiefer.

Fi stqarrija l-Kummissjoni Ewropea ħabbret li reġgħet naqqset il-capping fuq it-tariffi massimi li l-operaturi jistgħu jitolbu lill-klijenti tagħhom fuq telefonati, sms’s, imma b’mod partikolari data, bil-prezzijiet f’ċerti każi jorħsu b’aktar minn nofs.

Issa t-tariffa massima għal persuni li jagħmlu telefonata niżlet minn 24 centeżmu għal 19-il ċenteżmu kull minuta. Roħs ta’ 21 fil-mija. Filwaqt li meta persuna tirċievi telefonata meta tkun barra mill-pajjiż, it-tariffa reġgħet niżlet minn 7 għal 5 ċenteżmi kull minuta.

Fil-każ ta’ sms, it-tariffa massima niżlet minn 8 ċenteżmi għal 6 ċenteżmi filwaqt li l-ikbar roħs kien fid-data, aċċess għall-internet u downloads minn fuq in-network ċellulari. Hawnhekk ir-roħs hu ta’ 55.5 fil-mija minn 45 għal 20 ċenteżmu kull MB ta’ data. Dawn il-prezzijiet huma apparti l-VAT li tvarja minn pajjiż għal ieħor fl-UE.

Il-Kummissjoni Ewropea bdiet tieħu azzjoni fuq it-tariffi tar-roaming fl-2007. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, f’seba’ snin, it-tariffi naqsu b’90 fil-mija.

Iżda dan mhux biżżejjed gġaliex il-Kummissjoni Ewropea qed taġdem sabiex l-ispejjeż tar-roaming fl-UE jinqatgħu għal kollox. Li jkun ifisser li tuża fejn tuża l-mobile, f’pajjiżek jew fi stat membru ieħor tal-UE, dejjem tħallas l-istess tariffa.

Il-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Agenda Digitali Neelie Kroes qalet li m’hemmx post għat-tariffi tar-roaming fis-suq wieħed u jittama li l-istati membri jaqblu ma’ din il-proposta sal-aħħar ta’ din is-sena.