Mara ta’ 50 sena mir-Rabat ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-kumpanija tal-assikurazzjoni Global Capital Financial Management Limited fejn qed tallega li hija sofriet danni u telf ta’ kapital tort tal-imsemmija kumpanija tal-assikurazzjoni.
Fil-protest li ppreżentat Carmen Micallef għamlet referenza għal transazzjonijiet f’investimenti li saru f’isimha, tramite s-servizzi fuq il-parir tal-istess kumpanija tal-assikurazzjoni u dan b’mod partikolari dawk fil-Lifemark S.A. Secure Income Bond 4 Euro – G. Dan għas-somma ta’ €10,000.
Micallef qalet li hija tilfet dan il-kapital b’negliġenza kbira u dan seħħ minħabba nuqqas ta’ tħaris tal-obbligazzjonijiet u dmirijiet skont il-liġi u dawk li joħorġu mill-Kodiċi Ċivili, dwar ir-Regoli tal-Investiment.
Hija qalet li hi klassifikata bħala “retail client” għall-iskop ta’ Direttiva tal-Unjoni Ewropea MIFID. Barra minn hekk qalet li hi tikkwalifika bħala “konsumatur” fit-termini tal-Att dwar l-Affarijiet għal Konsumatur. Micallef tenniet li meta hija ħadet il-parir tal-Global Capital, ma ngħatatx minnha kopji tad-dokumenti li kienet intalbet tiffirma mill-istess kumpanija tal-assikurazzjoni.
Dan għajr il-“Purchase Contract Note” li wħud minn dawn id-dokumenti li ġew f’idejn Micallef biss ftit taż-żmien ilu bil-kumpanija jirnexxielha b’maniġġi, qerq u ngann tieħu l-firma ta’ Micallef għal klawsoli li jikkostitwixxu “unfair contract terms” jew klawsoli mhux ġusti f’kuntratt u bl-użu ta’ prattiċi kummerċjali mhux ġusti, projbiti u qarrieqa.
Il-protest jgħid li dan kollu sar bi ksur tal-Kodiċi Ċivili u tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Ingħad li meta sari l-bejgħ tal-investiment, Carmen Micallef kienet mara tad-dar lit għin lil żewġha jbiegħ il-ħaxix biex imantni l-familja tiegħu, u hija kienet nieqsa minn kull tagħrif fil-qasam tal-investimenti u wisq anqas kellha esperjenza fl-investimenti kumplessi bħal ma huwa l-“Lifemark Sa Secure Income Bond 4 Euro”.
Hija tfakkar ukoll li il-Global Capital biegħet dan l-investiment lil Micallef a bażi ta’ servizz “Advisory” iżda huwa manifest li dan il-parir ingħata meta kien ċar, jew suppost ċar, li dan il-prodott ma kienx “suitable” skont it-termini tar-Regolamenti maħruġa mill-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), skont il-Liġi u applikabbli għaċ-ċirkostanzi personali u l-attitudni ta’ riskju dikjarat bħala “relattivament kawt b’riskji limitati.”
Il-protest jgħid li dan apparti l-fatt li Micallef kienet nieqsa minn kull esperjenza u tagħrif fil-qasam tal-investimenti u l-fatt li l-kumpanija tal-assikurazzjoni qatt ma spjegat ir-riskji tal-prodott. Anzi r-rappreżentant tal-kumpanija tal-assikurazzjoni, Noeline Mangion kienet assikurat lil Micallef li kif jixhed l-istess isem tal- investiment, dan kien żgur tassew.
Carmen Micallef irreferiet ukoll għal diversi “Payment on Account”, kull wieħed għal perċentwali żgħir tal-kapital, li rċiviet Micallef stess, li legalment u effetivament qiegħda tirċiviehom mit-“Trustee” ta’ Lifemark SA bl-użu ta’ ktejjeb taċ-ċekkijiet immarkat “Clients Account”, u bl-istess ittri tal-Global Capital datati Novembru 2013, Jannar 2014 u April 2014 li kienet takkumpanja l-istess ċekkijiet.
Hija qalet ukoll li sarrfet uċjew għandha kull intenzjoni li ssarraf dawn iċ-ċekkijiet, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tagħha li tieħu kull azzjoni legali oħra fil-konfront tal-kumpanija tal-assikurazzjoni. Għalhekk Micallef qed tagħmilha ċara lid an kollu qed isir bla preġudizzju għad-drittijiet legali kollha tagħha u dan għall-aġir ta’ qerq u ngann.
Finalment Carmen Micallef qed titlob lill-kumpanija biex mill-aktar fis possibbli u bla dewmien, tersaq għal likwidazzjoni u ħlas ta’ danni li hija sofriet riżultat ta’ nuqqas ta’ tħaris tar-responsabbilitajiet u d-dmirijiet tal-kumpanija, kif ukoll tan-negliġenza, nuqqas ta’ prudenza u dilliġenza u nuqqas ta’ osservanza tal-liġijiet.
Fin-nuqqas ta’ dan, Micallef se tieħu l-passi u tipproċedi skont il-liġi. Il-protest ġie ffirmat mill-Avukat Anna Mallia.
//= $special ?>

