Lokali

Wara l-iskola tal-arti, se jmiss l-istess xorti lill-primarja?

Id-decizjoni tal-Gvern Laburista li jbiddel l-Iskola tal-Arti ta’ Għawdex f’kampus tal-MCAST minflok ma jinvesti f’kampus ġdid għal dan il-Kullegg f’Għawdex, issa jidher li se tolqot ukoll lil studenti ta’ etajiet iżgħar, dawk fl-eta’ tal-Primarja.

Dan hekk kif fil-jiem li għaddew, l-għalliema u l-ġenituri fl-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem irċevew ċirkulari mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, li nfurmathom b’laqgħa importanti li se ssir il-Ħamis kmieni wara nofsinhar.

L-Iskola Primarja ta’ Għajnsielem tmiss mal-Iskola tal-Arti u tifforma parti mill-istess blokka ta’ bini. Fiha jattendu aktar minn mitt student u studenta.

Għalliema u ġenituri li tkellmu ma’ dan l-istazzjon qalu li jinsabu mħassbin u inkwetati x’jista’ joħrog minn din il-laqgħa, speċjalment meta ċ-ċirkolari ma fiha l-ebda firma jew isem, qisu ħadd ma jrid jerfa’ r-responsabbilta’ li jagħti aħbar negattiva lill-għalliema u l-istudenti.

Fiċ-ċirkolari jingħad li fil-laqgħa, li se tibda fil-kwarta ta’ wara nofsinhar u li se ssir fis-sala tal-iskola, l-għalliema u l-genituri se jkunu nfurmati b’xogħlijiet li se jsiru matul dan is-Sajf. Minħabba li ċ-ċirkolari tgħid li din se tkun laqgħa importanti, dawk li tkellmu magħna qed jinkwetaw li matulha se jingħataw formalment l-aħbar wara li ilha tiġri x-xnieha li anke l-iskola tagħhom se tiġi żarmata biex isservi bħala kampus tal-MCAST, kif ġara fil-każ tal-Iskola tal-Arti.

Preżenti għal-laqgħa se jkun hemm rappreżentanti mid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi, kif ukoll is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ Evarist Bartolo, probabbli l-istess nies li fil-bidu ta’ dan ix-xahar marru għall-għarrieda l-Iskola tal-Arti f’Għajnsielem biex jordnaw lill-Kap tal-Iskola u lill-istaff jiżgumbraw l-uffiċċji tagħhom u mill-għada jirrappurtaw fi skola oħra fix-Xewkija.

Dan kien seħħ l-għada li l-PM Joseph Muscat, f’laqgħa politika tal-partit laburista, kien ħabbar li l-Gvern se jiftaħ kampus ġdid tal-MCAST f’Għawdex.

Il-Ministeru għal Għawdex kien ikkonferma li lanqas biss kien infurmat b’din id-deċiżjoni, aħseb u ara kemm gie konsultat u fil-fatt, anke fiċ-ċirkolari li rċivew l-għalliema u l-ġenituri tal-iskola primarja t’Għajnsielem, ma jissemma ħadd mill-Ministeru għal Għawdex li mistenni jkun preżenti għal-laqgħa.

Kif kien żvela dan is-sit, dan il-każ juri kemm kienet deċiżjoni ħażina dik li ha l-Gvern Laburista li jneħħi l-edukazzjoni f’Għawdex minn taħt ir-responsabbilta’ tal-Ministeru għal Għawdex, bħalma għamel ukoll bil-qasam tas-Saħħa. Bid-deċiżjonijiet li jolqtu lil Għawdex u lill-Għawdxin f’dawn iż-żewġ oqsma importanti, f’din il-legiżlatura issa qed jittieħdu minn Malta mill-Ministeri rispettivi.

Il-kwistjoni tal-MCAST f’Għawdex u n-nuqqas ta’ konsultazzjoni f’dan il-każ kienet wasslet ukoll biex id-Direttur tal-Lifelong Learning fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Mario Azzopardi, jitlaq u jmur f’Ministeru ieħor.

Dan wara li s-Segretarju Permanenti tal-Edukazzjoni Joseph Caruana lanqas biss infurmah bid-deċiżjoni li kien ha l-Gvern fuq l-iskola tal-arti f’Għawdex meta l-iskejjel speċjalizzati tal-arti, il-muzika u d-drama – fil-gżejjer Maltin, jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħu.