Futbol Sport

Wirja oħra kbira u l-Kolombja b’punti massimi

GRUPP C

ĠAPPUN………………….1
KOLOMBJA…………….4

Ġappun> Kawashima, Nagatomo, Konno, Uchida, Yoshida, Hasebe, Honda, Aoyama (Yamaguchi 62′), Okazaki (Kakitani 69′), Kagawa (Kiyotake 85′), Okubo

Kolombja> Ospina (Mondragon 86′), Valdes, Arias, Alvarez, Armero, Quintero (Rodriguez 45′), Cuadrado (Carbonero 45′), Guarin, Mejia, Ramos, Martinez

Imwissija> Konno (Ġ), Guarin (K)

Skurjaw> Cuadrado 17′ pen, Martinez 55, 82′, Rodriguez 89′ (K)< Okazaki 45+1′ (Ġ)

Referee> Pedro Proenca (POR)
Il-Kolombja sar it-tieni tim li żamm rekord perfett ta’ tliet rebħiet minn tlieta wara l-Olanda, meta b’wirja stupenda ġab fix-xejn lill-Ġappun f’logħba minn Grupp C u s-Sibt jiltaqa’ kontra l-Urugwaj għal post mal-aħħar tmienja.

Għall-Ġappun kienet Tazza tad-Dinja mill-aktar diżappuntanti imma wara kollox dan hu dak li għamlu l-Kolombjani matul dan it-turnament u bla dubju kien jimmeritahom ir-rebħa u l-kwalifikazzjoni.

Il-Ġappun ried bilfors rebħa imma sab ruħu minn taħt minn penalty ta’ Juan CUADRADO wara fawl ta’ Konno fuq Adrian Ramos.
Shinji Okazaki bir-ras kiseb id-draw għas-Samurai bl-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima imma d-draw gawdewh biss għaxar minuti.

Fil-55 minuta l-Kolombjani mill-ġdid u meritament fil-vantaġġ hekk kif il-bidla li għamel il-kowċ Jose Peerkeman fil-mistrieħ ħalliet il-frott mixtieq meta James Rodriguez xeħet passsaġġ perfett wara d-difiża Ġappuniża u fetaħ it-triq beraħ għal Jackson MARTINEZ li b’xutt angolat fil-baxx xeħet fir-rokna.

L-istess Jackson MARTINEZ temm kull tama għas-Samurai bit-tieni gowl personali fil-partita wara xogħol ieħor tajjeb ta’ James Rodriguez li qata’ difiża sħiħa Ġappuniża b’passaġġ perfett.

Fis-86 minuta u bir-riżultat deċiż, il-kowċ Pekerman bidel ukoll lill-gowlkiper biex seta’ jidħol jilgħab il-veteran Faryd Mondragon minflok David Opsina. Ta’ 43 sena Mondragon sar l-ixjeħ plejer li qatt lagħab fit-Tazza tad-Dinja u kiser ir-rekord ta’ Roger Milla tal-Cameroon.

Fil-ħin li għamelMondragon salva wkoll ballun f’dik li kienet l-ewwel dehra kompetittiva tiegħu f’disa’ snin.

Fl-aħħar minuta James RODRIGUEZ kien ippremjat għal wirja oħra stupenda b’gowl ieħor ta’ l-istampi wara kontra-attakk veloċi u wara li dar darbtejn mal-istess difensur ta’ Southampton Maya Yoshida u qabbeż fuq il-gowlkiper.