Editorjal

Editorjal: Anqas bnadar, anqas ħornijiet, aktar raġuni

It-Tazza tad-Dinja dejjem tiġbed interess kbir f’Malta, u din id-darba anke aktar. Għax Malta bħal donnha tinqasam bejn l-appoġġ għall-Ingliżi u t-Taljani f’relikwija mill-istorja tagħna; u did-darba aktar meta t-tnejn iltaqgħu fl-ewwel logħba.

Relikwija mill-imgħoddi
Appoġġ li hu relikwija mill-imgħoddi; relikwija politika wkoll miż-żmien meta kien hemm dawk li riedu li Malta tibqa’ fl-Imperu Ingliż u dawk li riedu lil Malta tinqata’ minn dik l-isfera u allura kienu jħarsu lejn l-Italja li kienet għadha kemm ingħaqdet.

Darba kienu żewġ dinjiet
Dawn iż-żewġ pajjiżi, fl-imgħoddi ta’ ftit ivvjaġġar u komunikazzjoni, għalina kienu bħal donnu żewġ dinjiet. Imma mal-iżvilupp tal-istorja tagħna, saru anqas importanti u r-rivalità bejn dawk li kienu jappoġġjawhom fil-passat baqgħet biss fil-futbol.

Il-ħornijiet siktu, il-bnadar niżlu
Imma l-ħornijiet u l-bnadar li soltu jilqgħu kull rebħa tal-waħda jew l-oħra, ħlief għall-ewwel logħba, issa siktu u niżlu għax iż-żewġ timijiet taż-żewġ pajjiżi telqin lura lejn pajjiżhom wara li nqalgħu t-tnejn mill-ewwel fażi fil-Brażil.

Qatt ma kienet ġrat fi 80 sena
Qatt ma kienet ġrat din – ħlief fl-ewwel edizzjoni 84 sena ilu meta t-tnejn ma kinux ħadu sehem – li mal-aħħar sittax fit-Tazza tad-Dinja ma jkunx hemm l-Ingliżi jew it-Taljani. Fi stħarriġiet diversi, 5 fil-mija biss urew il-fehma li jinqalgħu t-tnejn; issa din hi l-mija fil-mija, u mhux il-fehma imma l-fatt.

Nibdew nirraġunaw
Tal-bars gergru għax jekk jonqos l-interess jitilfu l-bejgħ. Imma forsi din hi okkażjoni tajba biex nibdew nirraġunaw aktar bħalma rraġuna kulħadd meta kollha riedu lill-Italja tirbaħ lill-Kosta Rika ħalli l-Ingliżi jibqagħlhom tama, imma arralhom it-tnejn.

Ma jeżistux l-Ingilterra u l-Italja biss
Issa, fil-logħob li baqa’, tajjeb nibdew nirraġunaw li fid-dinja ma jeżistux l-Ingilterra u l-Italja biss, influwenzawna kemm influwenzawna fl-imgħoddi, bil-preġji li t-tnejn għandhom f’oqsma differenti tal-ħajja, kif fisser Dun Karm f’poeżija kbira tiegħu.

Ħafna pajjiżi li għandhom ħafna x’joffru
U bla storbju u bla tixjir, naraw pajjiżi oħrajn li għandhom ħafna x’joffru mhux fil-futbol biss: Franza, il-Greċja, l-Olanda, il-Ġermanja, l-Arġentina, l-Urugwaj, il-Brażil, u oħrajn; li wħud minnhom inżuruhom u hawn ħafna jitgħallmu l-lingwi tagħhom.

Il-valuri tal-isport, bla storbju, bla tixjir
U nirriflettu fuq il-valuri tal-isport u l-eżempju li l-logħob jagħti speċjalment liż-żgħar: li xi ħadd irid jirbaħ u xi ħadd irid jitlef, imma b’imġiba tajba u mhux bil-gdim. Għax l-isport jibqa’ simbolu tal-ħajja u jista’ jkun eżempju tajjeb jew ħażin; okkażjoni biex il-ħsieb jimraħ, l-aktar meta jisktu l-ħornijiet u jieqaf it-tixjir tal-bnadar.