Il-festa tal-Imnarja hi waħda mill-iktar festi tradizzjonali ċċelebrati f’pajjiżna biex tfakkar il-ħajja ta’ żewġ qaddisin, San Pietru u San Pawl.
L-isem tal-Imnarja ġej minn tradizzjoni tal-passat fejn il-Maltin kienu jixgħelu xemgħa jew iqabbdu ħuġġieġa bħala rikonoxximent ghal festa partikolari. Il-festa tal-Imnarja mxiet mill-festi tal-irħula u l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet isiru fil-Buskett.
U kif inhi t-tradizzjoni, din is-sena, bħal kull sena, iċ-ċelebrazzjonijiet se jiġu ċċelebrati fil-Buskett bejn it-28 u d-29 ta’ Ġunju. Filfatt f’dawn il-jiem għaddejja bla waqfien il-ħidma biex il-Ġonna tal-Buskett jilqgħu lill-familji Maltin u t-turisti.
Se tkun festa ikbar u iktar mifruxa mis-snin li ġejjin kif jispjega wieħed mill-organizzaturi, Mario Camilleri. (Ara l-filmat)
Fil-Buskett se jkun hemm wirja ta’ frott, ħxejjex, fniek u tjur kif ukoll tal-majjal. Se jsiru wkoll kompetizzjonijiet ta’ nagħaġ u mogħoż, żwiemel, klieb kif ukoll tal-baqar. Din is-sena se jkun hemm rekord ta’ bhejjem. Se ssir ukoll dimostrazzjoni ta’ kif isiru l-ġbejniet friski.
Dan minbarra li se jkun miftuħ ukoll iċ-Ċentru għall-Inbid u d-Dwieli u għall-ewwel darba l-pubbliku jista’ jżur ir-Razzett tal-Bagħal fejn se jkun hemm wirja ta’ għodda tradizzjonali u wirja ta’ artiġjanat.
U għal dawk li ma jridux jitilfu l-logħob tat-Tazza tad-Dinja, dawn se jkunu qed jintwerew ukoll fil-Buskett. Dan minbarra spettaklu ma jaqta’ xejn kif ukoll il-fiera tradizzjonali.
//= $special ?>