Sport

Franza jirbħu l-grupp imma jfallu l-ewwel punti

EKWADOR……………..0
FRANZA…………………0

Ekwador> Dominguez, Guagua, Erazo, Paredes, Noboa (Caicedo 89′), Montero (Ibarra 63′), W Ayovi, E Valencia, Minda, Arroyo (Achilier 82′), A Valencia
Franza> Lloris, Sakho (Varane 61′), Benzema, Griezmann (Remy 79′), Matuidi (Giroud 67′), Sagna, Digne, Sissoko, Pogba, Koscielny, Schneiderlin

Imwissija> Erazo (E)
Tkeċċa> A. Valencia 50′ (E)
Referee> Desire Noumandiez Doue (Ivory Coast)
Franza kif mistenni rebħu Grupp E imma fallew l-ewwel punti tagħhom meta kienu miżmuma fi draw mingħajr gowls mill-Ekwador b’għaxar plejers.
Kien riżultat diżappuntanti għall-Ekwador li naqsu milli jiskurjaw u b’hekk saru l-ewwel tim mill-Amerika t’Isfel li ġie eliminat f’dawn il-mondjali.
Mertu kbir f’dan ir-riżultat kellu wkoll il-gowlkiper tal-Ekwador Alexander Dominguez li salva kulma kien indirizzat fil-lasta, partikolarment fit-tieni taqsima.
Franza issa se jkunu qed jiltaqgħu kontra n-Niġerja fir-round tal-aħħar 16.
It-tim ta’ Didier Deschamps deher ferm aħjar mill-Ekwador, aktar veloċi u aktar preċiż fit-tqassim tiegħu. Madankollu ma kienx l-istess tim li rajnih fl-ewwel żewġ partiti. Karim Benzema kien pjuttost kwiet waqt li Olivier Giroud daħal fl-aħħar 24 minuta.
Il-ftuħ tat-tieni taqsima ma setax kien aktar negattiv għall-Ekwador meta wara appena erba’ minuti spiċċaw b’raġel anqas wara li l-captain Antonio Valencia ta’ Manchester United, intwera l-karta l-ħamra diretta għal fawl xejn sabiħ fuq Lucas Digne. Deċiżjoni li r-referee Doue jidher li ħa wara li kkonsulta mal-assistenti u anke mar-raba’ uffiċjal.
L-ironija iżda kienet li l-Ekwador dehru ferm aħjar meta kienu bi plejer anqas u l-aħjar ċans tagħhom wasal fil-55 mnuta imma Christian Noboa żelaq meta ġie biex jikkonkludi u xeħet barra.
Frana marru viċin b’tentattivi imblukkat ta’ Paul Pogba u daqqa ta’ ras tal-istess midfielder ta’ Juventus li marret barra.
Fl-aħħar ħinijiet il-partita l-logħba saret eċċitanti b’attakki fuq iż-żewġ naħat Benzema kellu ċans tad-deheb li jkompli jkabbar in-numru ta’ gowls u jiskorja fit-tielet logħba konsekuttiva imma wara suġġeriment tajjeb ta’ Giroud ma rnexxielux jegħleb lill-gowlkiper Alexander Dominguez.