Lokali Qorti

Ħabs wara li f’Jum San Valentino seraq xfafar tal-leħja minn Supermarket

Żagħżugħ ta’ 28 sena miż-Żejtun mar tliet xhur ħabs wara li ammetta li seraq xfafar tal-leħja, ‘gels’ u ‘aftershave’ minn Supermarket. Wayne Delia ammetta li f’Jum San Valentino seraq dawn l-oġġetti, li kellhom valur ta’ €168, mill-Carters Supermarket li jinsab f’Raħal Ġdid għad-dannu ta’ Joseph Busuttil.

Huwa ammetta wkoll li naqas li jħares il-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona fit-23 ta’ Jannar 2013. Waqt li ż-żagħżugħ informa lill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera li missieru xtaq li jagħmel tajjeb għall-valur misruq, is-sidien tas-Supermarket irrinunzjaw li jiġu ikkumpenstati.

Il-Qorti meta ġiet biex tagħti s-sentenza qalet li kienet se tordna ħabs effettiv minħabba l-fatt li Delia tappan il-fiduċja tal-Qorti li fdatu meta laqgħet it-talba li hu kien għamel għal-liberta’ proviżorja fuq każ ieħor u kiser l-ordni li kienet tagħtu l-Qorti biex ma jerġax jikkommetti reat ieħor. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jurgen Vella.