Lokali Qorti

Il-Gozo Sports Club jiddefendi lill-Kap Eżekuttiv tiegħu Elvin Grech

Minkejja li nstab ħati u ngħata sentenza sospiża ta’ ħabs mill-Qorti fuq dokumenti foloz, u din is-sentenza kienet konfermata fl-istadju tal-appell, sew il-Gozo Sports Board kif ukoll il-Gozo Football Assocation, il-GFA, qed jiddefendu lill-uffiċjal tagħhom Elvin Grech.

U għalihom il-każ tal-President tal-GFA u Kap Eżekuttiv tal-Gozo Sports Board huwa magħluq.

Fi stqarrija, il-Bord għall-Isport f’Għawdex iddikjara li wara laqgħa li saret fis-sigħat li għaddew, il-Kunsill tiegħu kkonferma lil Elvin Grech u lill-uffiċjali l-oħra kollha tal-Bord fil-pożizzjoni tagħhom. U esprima fiduċja assoluta fi Grech.

Kif żvelat fl-aħħar jiem, f’dan ir-rwol, Grech qed jitħallas is-somma ta’ €40,000 mill-Gvern.

Il-Gozo Sports Board twaqqaf fix-xhur li għaddew b’mod konġunt mill-Ministeru ta’ Ghawdex u mis-Segretarjat Parlamentari għall-Isport. Kif anke kkonferma wieħed mill-membri ta’ dan il-Bord, il-membri tal-Bord tpoġġew mill-Ministeru ta’ Anton Refalo, tant li wieħed mill-membri tal-Bord huwa impjegat fis-Segretarjat Privat tal-istess Ministru.

Elvin Grech, li huwa wkoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Football f’Għawdex, kien appuntat Kap Eżekuttiv tal-Bord għall-Isport f’Għawdex minkejja li l-Ministru Anton Refalo kien jaf bid-dettalji kollha tal-każ kriminali li kellu fil-Qorti. Tant li kien Anton Refalo stess, fil-kappell tiegħu bħala Avukat li ta l-parir lil Grech u lil persuna oħra, x’għandhom jgħidu u ma jgħidux waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija.

Is-sentenza oriġinali – wara li Grech instab ħati mill-Qorti li għamel użu minn dokument falz meta kien is-Segretarju Ġenerali tal-GFA – ngħatat f’Marzu tas-sena li għaddiet. Grech, iżda, appella mis-sentenza. Madanakollu, l-Qorti tal-Appell ikkonfermat l-istess sentenza fil-ġimgħat li għaddew.

Fl-istqarrija tiegħu li fiha qal li l-membri kollha tiegħu esprimew fiduċja sħiħa f’Elvin Grech, il-Gozo Sports Board qal ukoll li anke fi ħdan l-GFA ittieħed vot u l-klabbs membri fl-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol ukoll esprimew il-fiduċja tagħhom b’mod unanimu f’Elvin Grech.