Il-Kummissarju tal-Pulizija għandu jirrispondi għad-domandi li qed isurulu dwar każ li fih waqqaf milli jittieħdu proċeduri kontra persuna li attakkat Pulizija f’Għassa tal-Pulizija.
Fl-aġġornament tas-seduta ta’ nhar l-Erbgħa, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qal li l-akbar periklu għas-soċjeta’ hu meta l-poplu jibqa’ trux għal dak li jkun qed jiġri madwaru u ma jagħtix każ dwar il-ksur li jkun għaddej ripetutament liema ksur ikun qed inaqqar id-drittijiet demokratiċi.
Jason Azzopardi qal li l-liġi tapplika għal kulħadd, anke għall-Kummissarju tal-Pulizija. Dak li l-poplu qed jara s’issa hu biss arroganza.
Id-Deputat Nazzjonalista rrefera għal rapport li deher f’gazzetta lokali fejn proċeduri kriminali dwar każ ta’ attakk kontra Pulizija twaqqfu mill-Kummissarju tal-Pulizija li min naħa tiegħu baqa’ ma weġibx mistoqsijiet tal-istess gazzetta dwar il-każ.
Il-Kummissarju kkonferma li irtira l-proċeduri kriminali u baqa’ jirrifjuta li jwieġeb għad-domandi li dan il-każ qanqal. Il-Kummissarju ma jridx jagħti r-raġuni għaliex waqqaf proċeduri kontra xi ħadd li attakka Pulizija f’Għassa tal-Pulizija.
Filwaqt li l-Parlament approva emendi fil-liġi biex jiħraxu l-pieni kontra uffiċjali pubbliċi,kompla d-Deputat Nazzjonalista, il-Kummissarju jibqa’ jirrifjuta għaliex waqqaf dawn il-proċeduri.
Jason Azzopardi sejjaħ lill-media biex tkompli tinsisti ħalli f’każi bħal dawn ma jkunx hemm ħabi tal-informazzjoni. Każi bħal dawn ma jserrħux ras il-poplu għaliex ifakkru fi żmien meta ċerti nies kienu protetti mill-Pulizija meta jwettqu ksur tal-liġi.
Jason Azzopardi kkritika lill-Gvern għall-mod kif waqqaf il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni u qal li bħalissa ma hawnx mezz kif ċittadin jista’ jressaq ilment jekk ikun irid jirrapporta każi ta’ korruzzjoni. Kif jista’ ċ-ċittadin ikollu fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija meta jisma’ każi bħal dawn staqsa Jason Azzopardi.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li jekk il-Gvern ma għandux x’jaħbi dwar dan il-każ għandu jaħtar inkjesta indipendenti presjeduta minn Maġistrat jew Imħallef.
Jason Azzopardi għamel diversi mistoqsijiet li qal li l-Gvern, li ftaħar li jrid ikun Gvern trasparenti, jew il-Kummissarju tal-Pulizija għandhom ir-responsabbilta’ li jwieġbu.
Hu staqsa jekk il-Kummissarju tal-Pulizija jafx lir-raġel li attakka membri tal-Korp fl-Għassa ta’ Ħaż Żabbar. Staqsa kif jafu, jekk dan ir-raġel ċempilx lill-Kummissarju waqt li kien l-Għassa meta twettaq l-attakk, għaliex il-Kummissarju ma jridx iwieġeb lill-media.
Jason Azzoaprdi staqsa għaliex il-Ministeru tal-Intern waqa’ fil-muta, għaliex ma spjegax ir-raġuni li ta meta sostna li dan hu każ delikat. Kompla jistaqsi kemm-il darba l-Kummissarju waqqaf akkużi kriminali, x’qal il-Kummissarju lill-Pulizija li ġew aggrediti minn dan ir-raġel.
Mistoqsijiet oħra li jistennew tweġiba, qal Jason Azzopardi huma jekk ir-raġel in kwistjoni hux minnu li hu minn Marsaxlokk u hu partitarju akkanit Laburista. Staqsa hux veru li fl-Għassa kien hemm raġel anzjan li kien indikat bħala xhud meta jsiru l-proċeduri kriminali.
Jason Azzopardi staqsa wkoll jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux lest jippubblika l-Police file tal-każ u jekk hux lest joqgħod għal inkjesta indipendenti.
Il-poplu qed jistenna tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet biex iserraħ moħħu li min hu fid-dmir li jipproteġi liċ-ċittadin lest hu wkoll jimxi skont il-liġi.