PORTUGALL………………2
GHANA………………………..1
Portugall: Beto (Eduardo 89′), Amorim, Bruno Alves, Pepe, Pereira (Varela 62′), Veloso, Carvalho, Moutinho, Eder (Vierinha 69′), Nani, Ronaldo
Ghana: Dauda, Gyan, Atsu, Agyemang Badu, A. Ayew (Wakaso 81′), Rabiu (Acquah 76′), Waris (Ayew 71′), Mensah, Asamoah, Boye, Afful
Imwissija: Afful, Waris, Ayew (G), Moutinho (P)
Skurjaw: Boye 31′ , Ronaldo 80′ (P); Gyan 57′ (G),
Referee: Nawaf Shukralla (BAH)
Minkejja rebħa 2-1 kontra l-Ghana, il-Portugall ġie eliminat mit-Tazza tad-Dinja. Għalkemm it-tim ta’ Bento ġab erba’ punti daqs l-Istati Uniti imma minkejja li tilfu kontra l-Ġermanja, l-Istati Uniti għaddew minħabba li kellhom differenza ta’ gowls aħjar.
Il-Ghana kienu mingħajr il-midfielders Kevin-Prince Boateng u Muntari li sigħat qabel il-partita ntbagħtu lura minħabba imġieba ħażina. Muntari xorta waħda kien se jitlef il-konfront minħabba li kien sospiż. Il-Portugiżi Fabio Coentrao, Hugo Almeida, Andre Almeida u Helder Postiga kienu kollha neqsin minħabba injury imma għall-Portugall irritorna Pepe minn sospensjoni.
Wara biss ħames minuti Ronaldo ferm l-ewwel gowl tiegħu f’din l-edizzjoni meta laqat il-lasta. Fit-18-il minuta l-istess Ronaldo kellu ċans kbir b’daqqa ta’ ras wara li irċieva mingħand Pereira. Ir-reazzjoni tal-Ghana waslet erba’ minuti wara meta Asamoah Gyan ipprova volley imma l-gowlkiper Beto salva b’saqajh.
Fil-31 minuta l-Portugall marru fil-vantaġġ meta John Boye, bi sfortuna kbira xellef b’koxxtu l-ballun fix-xibka tiegħu stess meta mar jikklerja cross ta’ Veloso.
Minħabba li kienu jafu li jridu numru kbir ta’ gowls biex jgħaddu, l-Portugall ħarġu jattakkaw biex iżidu l-iskor fit-tieni taqsima u wara tliet minuti Nani kellu xutt devjat f’corner. Fil-51 minuta reazzjoni tal-Ghana li kellhom xutt ta’ Gyan li mar barra.
Imma fis-57 minuta wasal id-draw meta Asamoah tefa’ cross perfett lejn GYAN li bir-ras għamel l-iskor 1-1. B’dan il-gowl Gyan sar l-aqwa skorer Afrikan fit-Tazza tad-Dinja b’sitt gowls. Ir-rekord preċedenti kien f’idejn Roger Milla tal-Cameroon b’ħamsa.
Mas-siegħa logħob il-Ghana kellhom ċans li jirdoppjaw imma d-daqqa ta’ ras ta’ Waris marret barra. Sa dan il-ħin fil-logħba l-oħra l-Istati Uniti kienu qed jitilfu u l-Ghana ittamaw li jsibu gowl ieħor li jtihom il-kwalifikazzjoni. Imma minflok wasal it-tieni gowl tal-Portugall. Cross ta’ Nani, l-gowlkiper Dauda minflok tajjar f’corner niżżel il-ballun f’tarf il-kaxxa ż-żgħir fid-direzzjoni ta’ RONALDO li ma kellux diffikulta` jiskroja l-ewwel gowl tiegħu fil-Brażil u jsellem it-turnament b’rebħa.
Sat-tmiem l-istess Ronaldo mar viċin diversi drabi oħra imma kien pjuttost traskurat.
//= $special ?>