Kultura Kummerċ Lokali

Impjegati ta’ BOV jiltaqgħu mal-artist tal-Esebizzjoni tal-Arti Retrospettiva tal-BOV Anthony Mahoney

Kemm-il darba tiġik l-okkażjoni li tkun f’kamra mimlija b’66 biċċa xogħol tal-arti tal-ogħla kwalità flimkien mal-artist innifsu? Kienet opportunità unika għal grupp ta’ impjegati tal-BOV u l-familji tagħhom sabiex jiltaqgħu mal-artist Anthony Mahoney li għandu x-xogħlijiet tiegħu esebiti fl-uffiċċji ġenerali tal-BOV f’Sta Venera bħala parti mill-Esebizzjoni Retrospettiva tal-Arti tal-BOV għal din is-sena.

Dawn huma xi wħud mill-kummenti tal-impjegati li kienu preżenti għal dan l-avveniment fuq din l-esperjenza.

Caroline Sammut “Kont mistgħaġba bl-effetti lixxi u ħfief li joħloq permezz tal-palette knife, għodda magħrufa li tipproduċi sensazzjonijiet partikolari meta tmiss ix-xogħol. Il-kuluri li ntużaw ikomplu joħolqu enfasi fuq il-burdata anġelika, ċelestjali f’ħafna mix-xogħlijiet, li fihom it-temi tar-rebbiegħa, it-twelid mill-ġdid u Kristu.”

Sandra Maresca “L-aktar ħaġa li impressjonatni fuq l-artist hija l-mod sepmliċi tiegħu ta’ kif jispjega l-affarijiet, u l-kliem tiegħu ta’ inkoraġġiment, suġġerimenti u ideat li qasam ma’ dawk interessati li jkomplu fuq din il-linja. Il-passjoni tiegħu fil-mod kif jiddeskrivi l-istorja wara kull biċċa xogħol, inkluż ir-riċerka li jkun għamel, hija waħda edukattiva fl-istess ħin. Impressjonati ħafna l-onestà u l-mod kif l-artist jesprimi l-imħabba tiegħu għan-natura u l-umanità permezz tat-tpinġijiet tiegħu.”

Megan Abdilla ta’ disa’ snin qalet “Nixtieq nirringrazzjakom tal-opportunità li tajtuni sabiex niltaqa’ mas-Sur Mahoney. L-esebizzjoni interessatni ferm. Is-Sur Mahoney spjega b’mod ċar ħafna t-teknikalitajiet u x-xogħlijiet tiegħu, u daħal ħafna fid-dettall sabiex spjega xi jkun għaddej minn moħħu meta jkun qed ipitter. Il-passjoni tidher fih.”

Mario Lentini qal “Din kienet esperjenza interessanti ħafna. Il-passjoni ta’ Anthony Mahoney għall-arti hija emottiva ħafna…iħalli lilu nnifsu jidħol f’dinja immaġinattiva mmexxija mill-Mulej…Alla tagħna.”

Ix-xogħlijiet ta’ Anthony Mahoney ser jibqgħu għall-wiri fl-Uffiċċji Ġenerali ta’ BOV fi Triq il-Kanun Sta Venera sal-4 ta’ Lulju 2014.