Lokali

Aġġornata: Barrani arrestat wara ‘hit and run’ ma’ vettura b’żewġ deputati tal-PN

Aġġornata: MaltaRightNow jinsab infurmat li raġel ta’ nazzjonalita’ barranija ġie arrestat mill-Pulizija l-Ħamis hekk wara li l-Erbgħa filgħaxija kien involut f’ħabta ma’ vettura li fiha kien hemm żewġ deputati tal-Partit Nazzjonalista, li b’konsegwenza tal-ħabta kellhom jiddaħħlu l-isptar għall-kura.

Hekk kif seħħet il-ħabta jidher li l-barrani baqa’ sejjer bil-Pulizija li bdiet tfittxija għalih immedjatament wara.

Dan is-sit jinsab infurmat li r-raġel huwa ta’ nazzjonalita’ Ġermaniża.

20:25: Inċident tat-traffiku f’Sa Maison wassal biex fih weġġgħu ħafif id-Deputati Nazzjonalisti Ċensu Galea u Frederick Azzopardi. Iż-żewġ deputati iddaħħlu l-isptar għall-kura tal-inċidenti ħfief li sofrew.

Jirriżulta li l-inċident tat-traffiku seħħ għal ħabta tas-7.30pm, wara li ż-żewġ deputati kienu telqu mis-seduta parlamentari tal-lum.

Fl-inċident, xufier daħal bil-karrozza Volvo f’dik tad-deputati Nazzjonalista, tal-għamla Toyota. L-inċident seħħ hekk kif il-vettura ta’ Azzopardi kienet wieqfa u bl-impatt, spiċċat tmexxiet ‘il quddiem b’madwar għaxar metri. Is-sewwieq tal-Volvo, li skont sorsi jidher li hu ta’ nisel barrani, saħansitra insulentahom u wara dan l-inċident, baqa’ sejjer. Il-Pulizija bdiet tfittxija għalih, fuq informazzjoni tan-numru tal-vettura tiegħu, li ttieħed permezz ta’ ritratt mid-deputat Ċensu Galea.

Fi stqarrija l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia wera d-dispjaċir tiegħu u awgura liż-żewġ deputati fejqan ta’ malajr waqt li rringrazzja lil Pulizija għall-impenn immedjat tagħhom biex isibu lil persuna involuta f’dan l-inċident.