L-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa irreferiet għad-dokument ta’ konsultazzjoni li ħareġ il-Gvern dwar il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp għal perijodu 2014 u 2020 u qalet li dan il-pjan hu żbaljat għal aħħar u jonqos milli jkopri r-rekwiżiti ta’ Pjan Strateġiku biex jiggwida l-iżvilupp u l-użu tal-art f’Malta sas-sena 2020.
Fi stqarrija, Din l-Art Ħelwa fakkret li dan il-Pjan hu maħsub biex jieħu post il-Pjan ta’ Struttura tal-1990 li kien approvat mill-Parlament. Dwar il-pjan propost issa, Din l-Art Ħelwa qalet li l-Gvern ħa deċiżjoni apposta biex jaqbeż lil Parlament fejn deċiżjonijiet essenzjali li jikkonċernaw l-iżvilupp u l-użu tal-art, inkluż id-delineazzjoni taż-Żoni ta’ Żvilupp.
Din l-Art Ħelwa spjegat li bit-tneħħija ta’ dawn l-elementi mill-Pjan Strateġiku u minflok qed idaħħalhom fil-Pjani Lokali, il-Gvern qed jipprova jiżgura li d-direzzjoni strateġika tal-użu tal-art sas-sena 2020, ma jibqax ikun determinat bi trasparenza sħiħa mill-Parlament bħalma ġara fil-Pjan ta’ Struttura tal-1990. Imma issa se jiddeċiedi Ministru waħdu b’sempliċi daqqa ta’ pinna. Din l-Art Ħelwa qalet li din il-proposta hi fost l-iktar passi lura possibbli u se titfa’ l-arloġġ lura bi snin twal.
L-għaqda ambjentali qalet ukoll li l-Pjan Strateġiku ma jaqbilx mal-Liġi dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-2010 li b’mod ċar tgħid li l-Pjan Starteġiku jrid ifassal il-policies u jinkludi li jrid jagħti raġuni ġustifikata għal kull policy u proposta li hemm fil-pjani.
Din l-Art Ħelwa qed tinsisti li fid-dawl tal-iżvilupp żejjed tal-bini, il-Pjan Strateġiku jrid jiggarantixxi lil pubbliku li ma jkunx permess żieda fiż-Żoni ta’ Żvilupp biex aktar art tkun allokata għal skopijiet residenzjali.
Qed tinsisti wkoll li deċiżjonijiet li sal-llum jeħtiegu l-approvazzjoni tal-Parlament, għandom jibqgħu responsabbilta` tal-Parlament. Dan jista’ jsir billi jkun żgurat li l-abbozz tal-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp ikun rivedut radikalment biex jinkludi dawn il-materji jew billi l-Pjani Lokali li qed ikunu riveduti, jkunu diskussi u approvati mill-Parlament.
Finalment, Din l-Art Ħelwa appellat lil Ministru Leo Brincat biex jipprova li Malta għad għandha Ministru responsabbli mill-Ambjent. Hu qatt ma kellu jaċċetta li dan l-abbozz tal-Pjan Strateġiku joħroġ għal konsultazzjoni minħabba li mhux adegwat u kellu jinsisti li l-MEPA terġa’ tibda mill-ġdid u tippubblika strateġija ħolisitika propja biex tirregola l-iżvilupp sostenibbli tar-riżorsi tal-art u tal-baħar kif mitlub mil-Liġi dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp tal-Ippjanar.
Din kienet it-tieni għaqda ambjentali f’jumejn li kkritikat bl-aħrax il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp wara l-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja.
//= $special ?>