Matul il-Malta Design Week li ttellgħet dan l-aħħar il-Belt Valletta, l-Absolut Vodka kkollaborat ma’ żewġ artisti Maltin bħala parti mill-inizjattiva globali l-ġdida tagħha, bl-isem “Transform Today”, bl-għan li tingħaqad mal-ispirtu kreattiv ta’ ġo fina u tispira trasformazzjoni artistika madwar id-dinja.
Il-proġett “Transform Today” tal-Absolut Vodka pprovda pjattaforma, waqt il-Malta Design Week, għall-artisti Maltin Ryan Falzon u Sabrina Calleja Jackson li fuqha setgħu jesperimentaw b’kunċett ġdid: li jħalltu ż-żewġ stili kontrastanti tagħhom billi jaħdmu flimkien fuq pjattaforma komuni. Filwaqt li xogħol Ryan hu bbażat fuq il-metodu espressiv, ix-xogħol ta’ Sabrina hu aktar sottili u senswali.
Ir-riżultat ta’ din it-taħlita ta’ żewġ stili hija ċelebrazzjoni ta’ kompożizzjoni intelliġenti li setgħet tkun possibbli biss bis-saħħa tal-kollaborazzjoni tagħhom biex joħorġu b’xi ħaġa vibranti u organika. Dan ir-riżultat huwa riflessjoni tal-proċess li bih l-Absolut Vodka tiġi prodotta fil-kuntest Malti, f’dan il-każ ‘festa’.
Ryan u Sabrina saru jafu ’l xulxin fl-Istitut tal-Arti u d-Disinn, l-MCAST. Hemm ħadmu fuq numru ta’ proġetti individwali tal-arti u fuq numru ta’ xogħlijiet kollaborattivi. Dawn għenuhom jintebħu bil-potenzjal li għandhom meta jaħdmu flimkien. Wara li ggradwaw b’B.A. (Unuri) fl-Arti, it-tnejn qabdu t-triq għal rashom biex jiksbu aktar esperjenza. Sabrina kompliet bl-istudju tagħha barra minn Malta u kisbet Masters fl-Arti, fis-Siti u fl-Arkivji mill-Ingilterra, u Ryan ħadem fuq numru ta’ proġetti indipendenti f’Malta u f’Berlin.
Minn dejjem kellhom l-ambizzjoni li jkollhom l-istudios tax-xogħol tagħhom u ddeċidew li jkomplu jiżviluppaw din l-idea meta ħadmu fil-Mitħna tax-Xarolla, iż-Żurrieq, billi jużaw l-ispazju ta’ ġol-mitħna bħala studio u gallerija tal-arti miftuħa. Sena wara dal-proġett, għamlu suċċess f’numru ta’ wirjiet b’xogħlijiet ta’ artisti promettenti u magħrufa li ħadmu flimkien.
Bis-saħħa tal-prinċipji l-ġodda tal-etika tal-marka, Transform Today, l-Absolut qed tibdel il-mod tagħha kif tikkollabora mal-artisti u kif issaħħaħ l-isforzi tagħha biex tattira udjenzi globali permezz tal-lingwa komuni tal-arti.
Il-kumpanija Absolut għandha r-responsabbiltà globali li tipproduċi u tirreklama l-Absolut Vodka. L-Absolut Vodka hi r-raba’ l-akbar marka ta’ spirti fid-dinja, u tinbiegħ f’126 suq. Kull flixkun tal-Absolut Vodka jiġi prodott f’Åhus fin-Nofsinhar tal-Iżvezja. L-uffiċċju ċentrali qiegħed Stokkolma, l-Iżvezja. Minn Lulju 2008, il-kumpanija Absolut bdiet tagħmel parti minn Pernod Ricard, li għandu wieħed mill-akbar portfolji ta’ marki prestiġjużi fis-settur tax-xorb.
//= $special ?>