Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Internazzjonali Unjoni Ewropea

Aġġornata: Lejn konferma biex Juncker isir il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Aġġornata: Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed jipparteċipa f’summit tal-Partit Popolari Ewropew f’Kortrijk fil-Belġju, li qiegħed isir bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li se ssir iktar tard illum u għada filgħodu u li matulha l-pajjiżi Ewropej mistennijin jieħdu numru ta’ deċiżjonijiet importanti, fosthom dwar min se jieħu post José Manuel Barroso bħala President tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.

Simon Busuttil, tgħid l-istqarrija, qal li jispera li l-Kunsill jagħżel lil Jean-Claude Juncker għax, fl-aħħar mill-aħħar, il-Partit Popolari Ewropew rebaħ l-elezzjoni Ewropea u Jean-Claude Juncker għamel kampanja sħiħa f’isem il-Partit Popolari Ewropew madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Anke l-kandidat tas-Soċjalisti Ewropej Martin Schulz ikkonċeda li Juncker għandu jkun innominat President tal-Kummissjoni Ewropea mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

“Jiena nemmen li Juncker għandu jinħatar mill-aktar fis possibbli biex l-Unjoni Ewropea tibda mingħajr dewmien tiffoka fuq il-ħolqien tax-xogħol, aktar kompetittività u tkabbir ekonomiku madwar is-suq kollu tal-Unjoni Ewropea,” temm jgħid Simon Busuttil.

Illejla jew għada, tkompli tgħid l-istqarrija, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mistenni jinnomina persuna bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Wara li ssir in-nomina, nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Lulju, 2014, il-Parlament Ewropew mistenni jieħu vot dwar il-persuna li tiġi nnominata għall-Presidenza. Jidher li diġà hemm maġġoranza assoluta fil-Parlament Ewropew li tixtieq lil Jean-Claude Juncker bħala l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.

Aktar kmieni…

12:16: Sigħat kruċjali fi Brussell hekk kif kollox jindika li f’Summit tal-Unjoni Ewropea mifrux fuq jumejn, l-eks Prim Ministru tal-Lussemburgu Jean Claude Juncker – il-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew – finalment se jinħatar bħala l-President tal-Kummissjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.

U dan minkejja li fl-aħħar ġimgħat – b’mod speċjali wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju – in-nomina ta’ Juncker ma sabitx l-appoġġ tal-mexxejja tal-istati kollha fl-Unjoni Ewropea.

Fuq quddiem fil-kampanja ta’ oppożizzjoni lil Juncker kien hemm il-Prim Ministru Ingliz David Cameron li kif tħabbar wara laqgħa li kellu miegħu f’Londra l-President tal-Kunsill Ewropew Hermann Van Rompuy, se jkun qed jitlob li jittieħed vot fuq din in-nomina.

Issa, iżda, jidher li Cameron spiċċa waħdu għaliex iż-żewġ pajjiżi li sa ftit jiem ilu kienu qed jappoġġjawh – l-Olanda u l-Izvezja – biddlu fehemthom, u issa jidher li se jappoġġjaw in-nomina ta’ Juncker. Biex l-uniku Prim Ministru li Cameron għadu jgawdi l-appoġġ tiegħu huwa l-Ungeriż Viktor Orban.

Għalkemm il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell beda l-Ħamis wara nofsinhar, l-għażla tas-suċċessur ta’ Barroso fit-tmun tal-Kummissjoni se tkun fuq l-aġenda tat-tieni jum ta’ taħditiet bejn il-mexxejja Ewropej, il-Ġimgħa. Minbarra din id-deċiżjoni importanti, il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea se jkunu qed jiddiskutu wkoll il-prijoritajiet tal-Unjoni u r-riformi li jridu jsiru tul il-ħames snin li ġejjin….bil-Prim Ministru Taljan Renzi, li pajjiżu se jassumi l-Presidenza fl-1 ta’ Lulju, diġa’ ppreżenta roadmap f’dan is-sens.

Il-Ħamis filgħaxija l-kapijiet ta’ gvern u stat tat-28 pajjiż membru kellhom skedata biss Working Dinner, imma aktar kmieni saret ċerimonja biex jitfakkar l-ewwel ċentinarju mill-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Tifkira li saret fil-belt ta’ Ypres – ftit ‘il barra mill-kapitali Belġjana. Hawnhekk eluf ta’ suldati u ċivili minn madwar id-dinja kollha kienu nqatlu f’dawk li huma magħrufa bħala l-għelieqi ta’ Flanders – simbolu tal-ewwel gwerra dinjija għax kienu fil-qofol ta’ ġlied qawwi bejn il-forzi Alleati u dawk Ġermaniżi.

F’isem Malta, qed jattendi l-Prim Ministru Joseph Muscat li f’din iċ-ċerimonja poġġa kuruni tal-fjuri fuq l-oqbra ta’ żewġ suldati Maltin li kienu tilfu ħajjithom fil-battalja f’din il-belt Belġjana.

Lura għall-kwistjoni dwar Juncker – għall-ewwel darba wara l-bidliet fit-Trattat tal-UE, il-mexxejja Ewropej iridu jagħtu każ tal-eżitu tal-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej meta jiġu biex jiddeċiedu fuq min se jinħatar biex imexxi l-Ezekuttiv tal-Unjoni. U f’dawn l-elezzjonijiet kien il-PPE li minnu ġej Juncker, li reġa’ kiseb il-maġġoranza….bis-Soċjalisti, it-tieni l-akbar grupp, qed jaqblu man-nomina ta’ Juncker.

Bil-kundizzjoni li huma jingħataw il-kariga ta’ President tal-Kunsill Ewropew hekk kif anke din il-kariga li fiha bħalissa hemm Van Rompuy, trid tigi mġedda. Kif irid jinstab ukoll suċċessur għal Catherine Ashton bħala Kap tal-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ gruppi qablu wkoll bejniethom li jalternaw il-Presidenza tal-Parlament Ewropew, bis-Soċjalista Martin Schulz – li kien l-isfidant ta’ Juncker – jibqa’ jżomm il-kariga għas-sentejn u nofs li ġejjin, u fit-tieni nofs tal-leġiżlatura din tgħaddi f’idejn il-PPE.

Dawn il-karigi l-oħra mhux neċessarjament jiġu deċiżi fi tmiem din il-ġimgħa…bl-unika waħda li bilfors trid tinqata’ s-sentenza dwarha tkun dik tal-President tal-Kummissjoni. Għax il-Parlament Ewropew, kif inhu obbligat li jagħmel, se jivvota fuqha f’nofs ix-xahar id-dieħel.