Għal darb’oħra anke’ fil-kunċert ta’ din is-sena x-xorti reġgħet daħqet liż-żagħżugħa Maltija li għal darbtejn konsekuttivi fis-snin l-imgħoddija l-kantant Enrique Iglesias għażilha biex titla’ fuq il-palk takkumpanjah.
Dan hekk kif Sarah Michelle, għat-tielet darba, reġa’ kellha l-opportunita’ li tiltaqa’ mal-kantant Spanjol, kif juri dan ir-ritratt b’Enrique mgħannaq magħha!
Ritratti oħrajn aktar ‘l isfel
Ftit sigħat qabel il-kunċert, Iglesias saħaq mal-ġurnalisti li kien b’kumbinazzjoni li għażel l-istess tfajla għal darbtejn konsekuttivi biex titla’ miegħu fuq il-palk, iżda ammetta li xtaq li anke’ din is-sena jerġa’ jiltaqa’ mat-tfajla, li qal li għandha karattru ħelu.
Jidher li l-Ispanjol qata’ xewqtu hekk kif għat-tielet darba, reġa’ iltaqa’ maż-żagħżugħa Maltija!
Sarah Michelle kisbet popolarita’ f’Malta meta kienet it-tfajla “magħżula” ta’ Enrique Iglesias f’żewġ edizzjonijiet passati tal-Isle of MTV, meta l-Ispanjol għażel minn qalb il-folla biex takkumpanjah fuq il-palk! L-għażla ta’ Iglesias waqgħet fuq l-istess tfajla darbtejn konsekuttivi.
U din is-sena, forsi mhux fuq il-palk… iżda l-Maltija xorta kellha l-opportunita’ li terġa’ tiltaqa’ mal-artist, kif jidher f’dawn ir-ritratti ppubblikati hawnekk.
Ma jistax jonqos li fuq Facebook, iż-żagħżugħa Maltija qasmet il-mument meta ltaqgħet mal-kantant, fejn iddeskriviet il-laqgħa li kellha mal-artist ta’ fama internazzjonali b’kelma waħda: “Magic”.
//= $special ?>