Il-Kor tal-Iskola Sekondarja tas-Subien f’Taż-Żokrija, il-Mosta, nieda CD bit-tema Kanzunetti Mid-Djarju ta’…. – proġett li ġabar għaxar kanzunetti dwar l-annimali, b’lirika tal-awtur popolari Malti, Trevor Zahra.
Il-kor tal-iskola waqqaf kooperattiva u, flimkien mal-għalliema, ħoloq din is-CD b’għajnuna finanzjata mill-programm ‘Entrepreneurship for Education Scheme 2014′ offrut mill-Gvern.
Is-CD tinkludi l-verżjoni interpretata mill-kor kif ukoll verżjoni strumentali ta’ kull kanzunetta. Għalkemm dan il-proġett tħejja mill-kor tal-iskola, l-istess proġett hu mmirat għal tfal ta’ eta’ ċkejkna. Din is-CD issa se titqassam lill-iskejjel kollha tal-istat, tal-knisja u tal-privat.
L-istudenti ma kinux biss involuti fil-kant iżda kellhom sehem attiv ukoll fit-twettiq tal-proġett kollu, fosthom, fid-disinn tas-CD innifisha, fil-ġbir ta’ kwotazzjonijiet u fix-xogħol ta’ promozzjoni.
Fit-tnedija ta’ din is-CD, li saret fis-sala tal-iskola stess, li tagħmel parti mill-Kulleġġ Marija Reġina, saret preżentazzjoni tagħha lill-kittieb Trevor Zahra. Preżenti kien hemm, fost oħrajn, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo. F’kelmtejn tal-okkażjoni, Zahra rringrazzja lill-kor tal-iskola u lill-għalliema tagħhom li emmnu f’dan il-proġett sabiħ. U fisser kif il-ktieb iservi bħala punt ta’ referenza u li minnu jistgħu jinħolqu ħafna affarijiet.
Il-kor tas-subien, li jikkonsisti fi grupp ta’ 25 student, tella’ wkoll diversi xogħolijiet li ġew esebiti kemm fl-iskola kif ukoll barra. L-istudenti kienu taħt id-direzzjoni ta’ Maryrose Scerri u ta’ Glen Vella – li kienu l-moħħ u l-enerġija wara dan il-proġett kollu.
//= $special ?>