Lokali

Tiftaħ il-Malta Trade Fair f’ Ta’ Qali

Il-Malta Trade Fair li issa daħlet fis-seba u ħamsin sena tagħha tiġbor taħt saqaf wieħed numru kbir ta’ esebituri, imprendituri u nies fil-kummerċ u tgħaqqadhom fi sħubija mal-poplu Malti.

Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca qalet dan il-Hamis filghaxija waqt il-ftuh ufficjali tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta Trade Fair f’Ta’ Qali. Il-Fiera issa ilha ssir fic-Centru tal-Fieri u l-Konvenzjonijiet f’Ta’ Qali mis-sena 2008.

Din is-sena qed jippartecipaw aktar minn 150 esebitur b’diversi prodotti u servizzi fosthom affarijiet tad-dar, energija alternattiva, divertiment u bosta affarijiet ohra.

Dawk dilettanti tal-football jistgħu igawdu wkoll ix-xalata ta’ logħob tat-Tazza tad-Dinja permezz ta’ World Cup Village u big screens. Se jkun hemm ukoll kompetizzjonijiet u premijiet marbuta mat-Tazza tad-Dinja.

Il-President Coleiro Preca qalet li l-Fiera qed tolqot kemm l-aspett kummerċjali kif ukoll l-aspett soċjali tant li bl-inizjattiva tal-MFCC se jsir sessjonijiet taż-Zumba u l-flus li jidħlu se jmorru b’risq il-Malta Community Chest Fund biex ikunu megħjuna nies fil-bżonn.

Fil-ftuh uffiċjali tkellem ukoll Gerald Borg, id-Direttur Maniġerjali tal-MFCC li fakkar li l-Fiera Internazzjonali ta’ Malta bdiet fin-Naxxar fl-1957. Propju seba’ snin ilu il-fiera bdiet tkun organizzata fl-MFCC f’Ta’ Qali fejn wieħed jista’ jsib parkeġġ kbir u inqas konġestjoni ta’ traffiku.

Gerald Borg qal li l-fiera minn dejjem kienet tipprowovi l-kummerċ f’pajjiżna u din is-sena l-organizzaturi qed jistennew madwar 100 elf ruħ.

Gerald Borg ħabbar li l-MFCC mistennija tibni struttura permanenti fuq 60 tomna art li ingħatat b’ċens ta’ 65 sena mill-Gvern sentejn ilu. Dan il-post mistenni jattira aktar konferenzi kbar lejn pajjiżna.

Dawk kollha li jattendu l-fiera jingħataw vjaġġ fuq il-baħar b’xejn ma kull vjaġġ ieħor li jixtru ma kumpanija magħrufa.

Il-Malta Trade Fair se tibqa miftuħa kuljum sas-6 ta’ Lulju.