Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Titlesta l-ewwel fażi tal-family park f’Ħal Farruġ

Tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett tal-family park f’Ħal Farruġ, fil-limiti ta’ Ħal Luqa, li kien finanzjat permezz tal-programm LEADER tal-Unjoni Ewropea.

Bl-għajnuna tal-Grupp Azzjoni Lokali tax-Xlokk ta’ Malta, il-Kunsill ta’ Ħal Luqa applika u kiseb il-fondi biex iwettaq dan il-proġett b’investiment globali ta’ 300,000 ewro.

Is-Sindku ta’ Ħal Luqa John Schembri qal li x-xogħol fuq dan il-family park jinkludi passaġġi matul iż-żona kollha biex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel eċerċizzju fiżiku u bandli għat-tfal, tqiegħdet il-ħamrija kullimkien, saru ġibjuni għall-hażna tal-ilma, ġew installati bankijiet u dwal LEDs kif ukoll tqiegħdu numru ta’ imwejjed.

Fit-tieni fażi ta’ dan il-proġett, se jkun hemm bandli għal persuni b’diżabbilta’ kif ukoll se jitqiegħed it-turf fuq il-ħamrija kif ukoll se jkun irranġat spazju adekwat għall-parkeġġ.

Il-pjani tal-kunsill jinkludu wkoll l-installazzjoni ta’ pannelli informattivi li jkopru tagħrif dwar il-viċinanzi u dwar il-proġett innifsu.

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg fisser kif minn żona mitluqa, din il-parti f’Ħal Farruġ ingħatat il-ħajja u se tkun qed titgawda mir-residenti u minn kull min jiffrekwenta ż-żona. Hu saħaq dwar kemm il-fondi Ewropej huma kru jali għall-kunsilli lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo qal li meta jara proġetti bħall-family park ta’ Ħal Farruġ xogħol il-kunsill laburista, jgħid kemm hu mn’alla li twaqqfu l-kunsilli lokali f’pajjiżna. Dan meta l-Partit Laburista qabel ma twaqqfu l-Kunsilli kien kontra li l-kandidati tal-partiti jikkontestaw biex iservu fil-lokalitajiet.