Żagħażugħ ta’ 16-il sena li seraq rota kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena wara li ammetta l-akkużi miġjubin kontrih. Minbarra li l-Qorti kkunsidrat il-fatt tal-ammissjoni bikrija taż-żagħażugħ, ġie wkoll ikkunsidrat il-fatt li ommu aċċettat li tħallas is-somma ta’ €1,400 għar-rota li binha seraq kważi sena ilu.
Is-serqa saret fit-18 ta’ Lulju li għadda, meta ż-żagħażugħ li ismu ma jistax jissemma peress li għadu taħt l-eta’ kien Wied il-Għajn fejn minn hemm seraq ir-rota li kienet propjeta’ ta’ żagħażugħ ieħor.
Il-Pulizija kienet arrestat lill-akkużat u xlieta bis-serqa. Huwa mill-ewwel ammetta r-reat fejn ġie nnutat ukoll li għandu kondotta tajba. Sadanittant ommu kienet laħqet ftehim mal-ġenituri tal-vittma wara li aċċettat li tħallas għar-rota li tiswa’ €1,400.
Il-Prosekuzzjoni infurmat lill-Qorti li saru tmien pagamenti ta’ €100-il wieħed għar-rota u baqa’ bilanċ ta’ €600. Il-Maġistrat Consuello Scerri Herrera qalet li l-Qorti kienet qed titratta maż-żagħażugħ bħala persuna li wettqet l-ewwel reat.
//= $special ?>