Qorti

Dalli jgħid li kien hedded lil Lawrence Gonzi fl-2004 fuq attakki kontrih

Meta l-ex Ministru u l-ex Kummissarju John Dalli kien qed jixhed fil-kawża ta’ libell li Richard Cachia Caruana qed jagħmel kontra Saviour Balzan, huwa kien qal lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi, li jekk l-attakki fuqu kienu se jkomplu, l-Partit Nazzjonalista ma kienx se jdum ġimgħa oħra fil-gvern.

Dalli kien qed jixhed fuq artiklu li deher fil-ġurnal Malta Today dwar dak li sejjaħ attakki fuqu minn nies qrib il-Partit Nazzjonalista. John Dalli qal li hu kien hedded lil Lawrence Gonzi fl-2004 wara attivita’ politika. Huwa qal li dak iż-żmien kien qed jiġi akkużat fuq frodi. Tenna li wara li qal b’dan kollu lil Gonzi, l-attakki fuqu kienu waqqfu kważi b’mod immedjat.

Ix-xhud irrakkonta wkoll li fl-2004, il-ġurnalist ta-Times, Steve Mallia, kien qal li fil-każ fejn John Dalli kien qed jiġi akkużat bi frodi, huwa kien uża nformazzjoni li kienet provduta minn Richard Cachia Caruana.

Dalli qal li kien staqsa lil Gonzi min jaħseb li kien hemm wara dawn l-attakki. Ftit wara kienet ċemplet Dalli Daphne Caruana Galizia u qaltlu li ma kienx Richard Cachia Caruana li kien qed jgħaddi l-informazzjoni.

Dalli qal li dak li hu ma setax jaċċetta kienu l-akkużi kontrih fuq frodi. Tenna li Gonzi kien talbu jirreżenja għax qal li ma setax ikollu Ministru taħt investigazzjoni. Dalli qal ukoll li kien offra r-riżenja tiegħu iżda ma jafx jekk din ir-riżenja ġietx diskussa fil-Kabinett.

Dalli qal ukoll li l-attakki fuqu kienu ġew miż-żewġ naħat tal-ispettru politiku, u li dawn kienu ko-ordinati. Huwa qal li minn dejjem huwa l-mira tal-attakki minn naħa tal-media, kemm fil-kapaċita’ tiegħu bħala politikant kif ukoll fil-ħajja privata tiegħu.

John Dalli dalgħodu qal ukoll fil-Qorti li meta ġie offrut il-kariga ta’ Kummissarju Ewropew, huwa ma riedx imur Brussell. Madankollu il-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien qallu li jekk il-kariga ma jeħodhiex hu, kienet se tingħata lil Richard Cachia Caruana u għalhekk aċċettaha. Aktar tard Cachia Caruana qal lil Dalli li kien hu li ssuġġerixxa lil Gonzi li Dalli jsir Kummissarju Ewropew.