Lokali

Ebda grazzi lill-UĦM minkejja s-servizz tal-ispiżjara membri tal-istess union

Huma bosta dawk il-pazjenti li bhalissa qegħdin jirċievu t-trattament tal-kimoterapija – trattament kruċjali għal min qed ibati mill-marda tal-kanċer, li jinsabu mħassbin ferm bis-sitwazzjoni fl-isptar Boffa.

Sitwazzjoni li ma’ kull jum li tgħaddi qegħda tkompli tiggrava, bir-riskju dejjem jiżdied għal dawn il-pazjenti.

Il-kwistjoni ddur madwar numru ta’ azzjonijiet industrijali li l-union tal-infermieri u l-qwiebel, l-MUMN ordnat f’dan l-isptar, fost l-oħrajn b’direttivi għall-ispiżjara ta’ Boffa, minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema.

Minkejja f’dan, dan l-istazzjon hu nfurmat li fl-aħħar sigħat il-Gvern bagħat jirringrazzja lill-MUMN – li kienet hi li ordnat l-azzjonijiet – tal-kollaborazzjoni tagħha, għax issa nstabet soluzzjoni għall-kwistjoni bejn iż-żewġ naħat, billi se jiddaħħlu spiżjara ġodda.

Min-naħa l-oħra l-Gvern fl-ebda hin ma semma jew irringrazzja lill-ispiżjara membri fil-UĦM li jaħdmu fl-isptar Mater Dei, li kieku ma kienx għalihom is-servizz tal-kimoterapija kien jieqaf għal kollox.

Dan għaliex f’mument kruċjali meta l-għoti tal-kimoterapija kien kważi waqaf minħabba d-direttivi, xorta baqgħu jitħalltu l-mediċini tal-kimoterapija fl-isptar Mater Dei, flok fl-isptar Boffa, biex it-trattament għall-kanċer se jibqa’ jingħata.

Dawn l-ispiżjara membri tal-UĦM baqgħu jipprovdu dan is-servizz, fuq talba tat-tmexxija tal-UĦM stess, li ħarġet l-id tal-kollaborazzjoni biex fl-ebda ħin ma jbatu l-pazjenti.

L-azzjonijiet tal-MUMN kienu ilhom għaddejjin tliet ġimgħat, u kellhom impatt mhux biss fuq l-għoti tal-kimoterapija fl-isptar Boffa imma anke f’Għawdex, għax il-kimika li tingħata waqt it-trattament tal-kimoterapija f’Għawdex tinħadem fl-isptar Boffa.

Imma anke f’dan il-kaz, grazzi għall-ispiżjara tal-Mater Dei membri fil-UĦM, il-pazjenti Għawdxin xorta baqgħu jingħataw it-trattament li kellhom bżonn minħabba li t-taħlit tal-kimika għal dan it-trattament delikat baqa’ għaddej b’mod normali fl-isptar Mater Dei.