Fl-aħħar snin, il-Gvern Nazzjonalista, fost diversi oqsma li ġibed lejn Malta, kien hemm dak ta’ universitajiet barranin li jistabbilixxu ċentri hawnhekk u jagħtu korsijiet universitarji lil studenti Maltin u anke lil studenti barranin li jiġu hawn apposta.
Gvern Nazzjonalista ġibed universitajiet barranin li stabbilew ċentri f’Malta
Il-Gvern Nazzjonalista diġà kien ġibed lista ġmielha minnhom tant li kien ukoll beda diversi programmi ta’ scholarships, għajnuniet u stipendji biex l-istudenti Maltin ikunu jistgħu jistudjaw mal-barranin f’dawn iċ-ċentri li kien qed jiġbed lejn Malta.
Malta tgawdi “Professjonisti kkwalifikati, livelli u stil ta’ ħajja Ewropej”
Issa, ma’ dawk li diġà kienu ġew, ġie ieħor li fetħu l-Prim Ministru Muscat b’diskors qasir. U hu u jiftaħar bix-xieraq b’Malta, il-Prim Ministru qal hekk: “Malta għandha professjonisti kkwalifikati, tgawdi stil ta’ ħajja Ewropew u tgawdi livelli Ewropej.”
Muscat jiftaħar b’rix il-Gvern Nazzjonalista li hu kien kontrih
Kollu tajjeb dak li qal Muscat. Il-problema hi li għamel l-iżball tal-istudent li jikkopja bla ma jgħid minn fejn ġab dak li qed jgħid, u allura jagħmlu tiegħu bla ma hu; dak li jissejjaħ plaġjariżmu, meta tilbes libsa ta’ ħaddieħor bla ma tgħid li mhix tiegħek.
Kieku ried ikun onest u pożittiv, kien jgħid mertu ta’ min
Għax il-Prim Ministru – kieku ried verament ikun pożittiv – kien jgħid li dawn kienu kisbiet tal-aħħar kwart ta’ seklu mill-gvernijiet ta’ qablu u jgħid li hu jaqbel magħhom u se jkomplihom. Dak kulma ried jgħid biex ma jkunx qed jiftaħar b’rix ħaddieħor.
Edukazzjoni miftuħa f’kull livell bis-saħħa ta’ gvernijiet Nazzjonalisti
Għax il-professjonisti kkwalifikati f’ħafna oqsma li għandha Malta llum żgur mhumiex mertu tal-attakk kontinwu ta’ gvernijiet Laburisti fuq l-edukazzjoni fil-passat, imma mertu tal-ftuħ kbir li gvernijiet Nazzjonalisti ġabu f’kull livell tal-edukazzjoni fejn introduċew ukoll ħafna oqsma ġodda ħalli Malta jkollha n-nies kwalifikati għall-industriji ġodda li gvernijiet Nazzjonalisti wkoll ġibdu lejn Malta.
Stil ta’ ħajja u livelli Ewropej għax kien hawn min ikkumbatta l-propaganda anti-Ewropea ta’ Muscat
U l-istil tal-ħajja Ewropew u l-livelli Ewropej li tgawdi Malta llum żgur mhumiex mertu ta’ Joseph Muscat li kien il-prim propagadist kontra l-Ewropa, imma huma mertu tal-gvernijiet Nazzjonalisti li kisbu għal Malta tant mill-Ewropa u huma mertu wkoll ta’ min ikkumbatta bil-fatti l-propoganda anti-Ewropea ta’ Joseph Muscat.
Min irid ikun pożittiv, jagħti l-krettu lil min ħaqqu
Il-Prim Ministru għandu raġun jiftaħar b’Malta edukata, imħarrġa, moderna, Ewropea kif għamluha gvernijiet Nazzjonalisti; kulma jrid jagħmel imma biex ikun pożittiv hu li jagħti l-krettu lil min ħaqqu.