Il-kitarrista leġġendarju Britanniku, Eric Clapton, żvela li lest biex jirtira mit-tours barra l-pajjiż wara li ilu jagħti l-kunċerti madwar id-dinja għal aktar minn ħamsin sena.
Clapton, li qabel qabad karriera ta’ solista kien idoqq ma’ diversi gruppi bħal Cream, Blind Faith u Derek and the Dominos, sostna li llum ‘sar ma jissapportix l-ivvjaġġar’ u meta għandu wkoll l-inkwiet dwar saħħtu.
Il-kitarrista, li sar nannu proprju s-sena li għaddiet, ammetta li tilef l-entużjażmu li kellu biex idur id-dinja għall-impenji mużikali u meta, skont hu, il-maġġoranza tal-pajjiżi, llum, saru qishom ‘versjoni differenti tal-Istati Uniti’.
Clapton żvela dan kollu waqt intervista lill-ġurnal Uncut u fejn spjega li għalkemm hemm ħafna affarijiet li hu jixtieq li jagħmel, huwa fatt li hu qed javviċina s-sebgħin sena u li, għaldaqstant, wasal iż-żmien biex jibda jaħseb f’meta se jirtira.
Madankollu, il-mużiċist, li hu anki l-aktar Britanniku onorat fl-istorja tal-Grammy Awards, mhux se jagħlaq il-bieb għal kollox fuq il-mużika u qed jaħseb biex jirrekordja l-materjal ġdid fl-istudio ‘kull tant żmien u safejn ikun possibbli’.
//= $special ?>

