Ikompli jiżdied l-izbilanċ tal-Gvern hekk kif fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, sa Mejju, dan kien diġa’ tela’ għal kważi 240 miljun ewro, zieda ta’ 48 miljun ewro jew 25 fil-mija fuq il-191 miljun ewro żbilanċ li kien hemm bejn Jannar u Mejju 2013.
Ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li filwaqt li d-dħul tal-Gvern żdied bi 58 miljun ewro, jew 5 fil-mija, in-nefqa żdiedet kważi bid-doppju, b’106 miljun ewro. Li jfisser żieda ta’ iktar minn 8 fil-mija fuq l-istess perjodu tas-sena l-oħra.
L-NSO jgħid li ż-żieda fid-dħul tal-Gvern kienet dovuta għal żieda f’dak li daħħal il-Gvern mill-VAT bi kważi 27 miljun, mill-kontribuzzjonijiet għas-Sigurta’ Soċjali, 21 miljun u mit-Taxxa tad-Dħul b’żieda ta’ 17.5 miljun. Min-naħa l-oħra, dħul mid-Dwana u s-Sisa naqas bi kważi 8 miljun ewro u nofs.
Min-naħa l-oħra, l-ikbar żidiet fin-nefqa tal-Gvern kienu fi programmi u inizjattivi varji b’żieda ta’ 57 miljun u kontribuzzjonijiet lill-entitajiet tal-Gvern li żdiedu b’iktar minn 28 miljun. Il-pagi tal-Gvern zdiedu b’iktar minn 18-il miljun filwaqt li n-nefqa fuq il-manutenzjoni u l-kontribuzzjoni lill-iskejjel tal-Knisja zdiedu bi 10 miljuni u 4 miljuni rispettivament. B’kuntrast in-nefqa fuq il-benefiċċji socjali naqset bi 12-il miljun. Kif naqset ukoll in-nefqa kapitali tal-Gvern, b’aktar minn tmien miljun ewro.
L-istess statistika tal-NSO turi wkoll kif fl-ewwel ħames xhur tal-2014 anke d-dejn tal-Gvern kompla jisplodi ‘l fuq.
Bejn Jannar u Mejju li għadda żdied bi kważi 220 miljun ewro,jew 4.3 fil-mija, biex issa qed iqarreb il-5.3 biljun ewro. Dan kien dovut l-iktar għal żieda fis-self kemm ghall-immedjat kif ukoll ghat-tul. Min-naħa l-oħra is-self minn barra l-pajjiż naqas bi kważi ħdax-il miljun ewro.
//= $special ?>