Kultura

Ir-realtà qarsa tat-tfal orfni ġewwa l-Kambodja

Fi stqarrija ppublikata minn ‘Reaching Combodia Foundation’, tħabbar li nhar il-25 ta’ Lulju, se jsir avveniment ta’ ġbir ta’ fondi flimkien ma’ AAP Malta, ġewwa Surfside tas-Sliema.

Il-missjoni tal-Fondazzjoni Reaching Cambodia hija li tgħin lit-tfal foqra, orfni u li jgħixu fit-toroq. Wara l-esperjenza ta’ volontarjat li ftit ġimgħat ilu kellhom f’orfanotrofju il-Fondazzjoni Reaching Cambodia qed tisħaq li tfal se jkunu f’riskju jekk ma jinġabrux aktar flus.

“Għalkemm ħafna mill-bżonnijiet bażiċi huma nieqsa, l-orfanotrofju ta’ SFODA huwa l-post li joffri mħabba u kenn lil dawn it-tfal” qal Silvan Farrugia, il-President tal-Fondazzjoni,

Il-Fondazzjoni Reaching Cambodia tispjega kif ħafna mit-tfal raw lill-ġenituri jmutu minħabba mard bħal l-HIV u l-Hepatitis. Oħrajn ġew abbandunati minn ommhom fl-isptarijiet u fit-tempji kif ukoll oħrajn telqu lit-tfal tagħhom minħabba l-biża li ma jkunux kapaċi jipprovdulhom futur minħabba l-faqar.

“It-tfal sabu omm fid-direttur tal-orfanotrjofju, u t-tfal bejniethom qishom aħwa. Din ir-realta` issa qed tiġi mhedda u żġur se tkun sitwazzjoni devastanti għall-aħħar.” kompla Farruġia, il-President tal-Fondazzjoni.

L-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca se tattendi għal dan l-avveniment. Ikel u mużika se jkunu provduti minn Aġenzija Tama. Il-biljetta għal din l-attivita’ jistgħu jinkisbu billi wieħed iċempel fuq 79056371 jew b’email fuq: info@reaching-cambodia.com. Wieħed jista’wkoll jagħti donazzjoni fuq is-sit elettroniku www.reaching-cambodia.com

Mingħajr nies li jieħdu ħsiebhom, dawn it-tfal ikunu fil-periklu li jiġu traffikati u nvoluti fil-prostituzzjoni. Nuqqas ta’ finanzi, donazzjonijiet u għoli fir-rata tal-kera jgħamluha iktar diffiċli għad-direttur tal-orfanotrofju biex isib post li jakkomoda 55 minuri.