Wara l-kontroversja kollha li nqalgħet, fl-aħħar mill-aħħar Jean Claude Juncker kien nominat uffiċċjalment mill-mexxejja Ewropej bħala l-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Dan minkejja li l-Prim Ministru Ingliż David Cameron baqa’ sal-aħħar joggezzjona għan-nomina tiegħu u saħanistra talab vot, kuntrarju għal li jsir issoltu meta karigi bħal dawn jiġu deċiżi b’kunsens bejn l-istati membri.
Il-vot ittieħed f’Summit tal-UE li ġie fi tmiemu fi Brussell, u li għalih kien preżenti wkoll il-PM Malti Joseph Muscat, bir-Renju Unit u l-Ungerija biss jivvutaw kontra l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew.
Dan wara li fl-aħħar jiem, il-kampanja ta’ oppozizzjoni għal Juncker sfumat fix-xejn u David Cameron spicca prattikament iżolat, bil-PM Viktor Orban tal-Ungerija biss jaqbel mal-pożizzjoni tar-Renju Unit.
Cameron hu tal-fehma li Juncker mhux il-persuna ideali biex imexxi r-riformi li hemm bżonn isiru fi ħdan l-Unjoni u qed jakkużah li hu bniedem tal-passat.
Fuq twitter, ftit wara li tħabbret in-nomina ta’ Juncker, Cameron kiteb : “għedt lill-mexxejja ewropew li għad jiddispjacihom bil-proċess il-ġdid li bih qed jingħazel il-President tal-Kummissjoni Ewropea. Jien nibqa’ niddefendi l-interessi tar-Renju Unit”
Minkejja kollox, pero’, Juncker kellu kull dritt li jkun l-ewwel għazla għal din il-kariga għax huwa l-kandidat tal-Partit Popolari Ewropew, li reġa’ kkonferma ruħu bħala l-akbar grupp politiku fl-Ewropa wara l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew ta’ Mejju li ġej. Din id-darba l-mexxejja Ewropej riedu jagħtu każ tal-verdett taċ-ċittadini Ewropej f’din id-deċiżjoni importanti, wara t-tibdiliet li saru fit-Trattat tal-UE.
Il-Kunsill Ewropew iddiskuta wkoll il-prijoritajiet tal-UE għall-ħames snin li ġejjin, li dwarhom diġa’ tressqet roadmap mill-Prim Ministru Renzi tal-Italja li pajjiżu se jassumi l-Presidenza fl-1 ta’ Lulju li ġej.
Waqt li l-Ħamis, fl-ewwel jum, il-kapijiet ta’ gvern u stat tat-28 pajjiż membru ħadu sehem ukoll f’ċerimonja biex jitfakkar l-ewwel ċentinarju mill-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Tifkira li saret fil-belt ta’ Ypres, ftit ‘il barra mill-kapitali Belġjana. Fejn eluf ta’ suldati u ċivili minn madwar id-dinja kollha kienu nqatlu f’din il-belt li hija simbolu tal-ewwel gwerra dinjija għax kienet fil-qofol ta’ ġlied qawwi bejn il-forzi Alleati u dawk Ġermaniżi. F’isem Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat poġġa kuruni tal-fjuri fuq l-oqbra ta’ żewġ suldati Maltin li kienu tilfu ħajjithom fil-battalja f’din il-belt Belġjana.
Fi Brussell ukoll, kif isir lejliet kull Summit tal-UE, iltaqgħu l-gruppi politiċi kollha, inkluż il-Partit Popolari Ewropew, laqgħa li għaliha kien preżenti l-Kap tal-PN Simon Busuttil minħabba li l-PN hu membru tal-PPE. Fuq l-agenda kien hemm il-kandidatura ta’ Juncker għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea, li issa li ġie approvat uffiċjalment f’dan is-Summit, irid jikseb ukoll l-approvazzjoni tal-MEP’s f’vot importanti fil-Parlament Ewropew li se jittiehed f’nofs ix-xahar id-dieħel, wara li l-Parlament il-ġdid iffurmat wara l-elezzjonijiet tax-xahar li għadda jiltaqa’ għall-ewwel darba fis-sessjoni inawgurali tiegħu fl-1 ta’ Lulju li ġej.
Wara l-ħatra ta’ Juncker, imbagħad, tibda l-ħidma fuq il-formazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida bil-famużi grillings tal-Kummissarji se jsiru wara s-Sajf, meta jridu jinħatru wkoll il-President il-ġdid tal-Kunsill Ewropew flok Herman Van Rompuy u s-successur ta’ Catherine Ashton fil-kariga ta’ Kap tal-Politika barranija tal-UE.
//= $special ?>