Il-Bord tal-MEPA, il-bieraħ, approva, b’numru ta’ kundizzjonijiet, applikazzjoni mill-iżviluppatur tal-Park Industrijali Ta’ Maġġi, għas-sanzjonar ta’ numru ta’ illegalitajiet li saru fl-iżvilupp. Dawn l-illegalitajiet kienu kollha koperti b’avviżi tal-infurzar.
Fi stqarrija l-Bord tal-Mepa saħaq li ikkundanna l-azzjoni tal-iżviluppatur u tal-periti li wettqu numru ta’ illegalitajiet u li m’ applikawx qabel ma saru x-xogħolijiet. Dawn l-illegalitajiet se jiswew lill- iżviluppatur l’ fuq minn €44,000 f’penali.
L-Awtorita’ imponiet penali ta’ aktar minn €27,000 wara li l-iżviluppatur issottometta applikazzjoni tal-ippjanar biex jirregolarizza numru ta’ ksur li ma kienx konformi mal-pjanti approvati u l-permess mogħti fl-2007. Dan il-ksur jinkludi żieda ta’ 10 workshops u 36 spazju ta’ parkeġġ fi ħdan il-konfini tal-Park li jinsab fil-limiti ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Bord tal-MEPA issekkwestra ukoll €17,000, li jirrapreżentaw 20% tal-garanzija bankarja li kienet ġiet imposta fil-permess tal-2007 relatat ma’ xogħlijiet ta’ landscaping li kellhom isiru fuq il-post u li għadhom pendenti. Il-Bord ta lill-applikant massimu ta’ 6 xhur biex iwettaq ix-xogħlijiet kollha ta’ landscaping, fejn għamel enfasi speċjali li s-siġar li se jintużaw ikunu maturi, dan fuq garanzija bankarja ġdida u addizzjonali ta’ €50,000. Ix-xogħlijiet ta’ tisbieħ jeħtieġ li jsiru qabel jinħareġ il-permess eżekutibbli tal-
iżvilupp.
Fi stqarrrija ċ-Ċerman tal-MEPA il-Perit Vincent Cassar ikkonkluda li “r-regolamenti l-ġodda li ġew eżekutibbli permezz ta’ avviż legali LN277/12, ġab bidla sostanzjali fil-mod ta’ kif il-MEPA timplimenta s-sistema ta’ penali tagħha biex tiskoraġġixxi u tiġġieled kontra l-iżvilupp illegali. Żviluppatur li jfittex li jissanzjona l-illegalita ta’iżvilupp imwettaq qabel Novembru tal-2012 kien jiġi ppenalizzat b’multa żgħira sa massimu ta’ € 2,300. Wara li ddaħħal l-avviż legali LN277/12, din il-penali tista’ titla’ saħansitra sa €50,000 jekk issir f’żona protetta.” Żied jgħid ukoll li “il-Bord jixtieq jagħmilha ċara li meta kundizzjonijiet tal-ippjanar ikunu mposti fil-permessi ta’ żvilupp, dawn għandhom jiġu osservati u saż-żmien miftiehem.”
//= $special ?>