Lokali

L-Alġerija għall-ewwel darba mal-aħħar 16

ALĠERIJA……………..1
RUSSJA………………….1

Alġerija: Mbolhi, Belkalem, Halliche, Mesbah, Feghouli, Brahimi (Yebda 71′), Medjani, Slimani (Soudani 90′), Bentaleb, Djabou (Ghilas 77′), Mandi

Russja: Akinfeev, Kozlov, Ignashevich, Glushakov (Denisov 46′), Kokorin, Kerzhakov (Kanunnikov 81′), Berezutskiy, Shatov (Dzagoev 67′), Samedov, Fayzulin, Kombarov

Imwissija: Mesbah (A), Kombarov, Kozolov (R)
Skurjaw: Kokorin 6′ (R), Slimani 59′ (A)
Referee: Cuneyt Cakır (TUR)

L-Alġerija kisbet kwalifikazzjoni storika meta ħadet draw kontra r-Russja u spiċċat it-tieni fi Grupp H. B’hekk sar it-tieni tim Afrikan li għadda għat-tieni fażi f’dan it-turnament wara n-Niġerja u l-Alġerini issa jilagħbu nhar it-Tnejn kontra l-Ġermanja.

Ir-Russi, li kienu jafu li rebħa biss kienet tpoġġihom fil-fażi li jmiss ħarġu jattakkaw u fil-fatt wara biss sitt minuti fetħu l-iskor. Shatov tefa’ cross li sab lil KOKORIN li b’daqqa ta’ ras stupenda għeleb lil Mbolhi għal skor ta’ 1-0.

Għal Kokorin dan kien is-sitt gowl fl-aħħar 18-il logħba li lagħab mar-Russja. Ir-Russi komplew jattakkaw u fit-18-il minuta kellhom ċans ieħor meta din id-darba kien Kozlov li sab lil Kokorin bi cross imma d-daqqa ta’ ras tal-awtur tal-ewwel gowl kienet fjakka.

Bir-reazzjoni tal-Alġerija ma tasalx reġa’ kien it-tim ta’ Fabio Capello li kellu ċans ieħor fis-26 minuta permezz ta’ Shatov li ipprova xutt minn tarf il-kaxxa l-kbira li mar ftit barra. Tliet minuti wara l-Alġerija kellhom l-ewwel ċans denju ta’ nota meta Slimani impenja lill-gowlkiper Akinfeev b’daqqa ta’ ras.

Man-nofs siegħa logħob l-Alġerija ġew imċaħħda minn penalty ċar meta r-referee Cakir ma rax lil Kozlov iwaqqa` lil Slimani fil-kaxxa. Biex l-aħħar ċans tal-ewwel taqsima wasal għand l-Alġerini imma d-daqqa ta’ ras ta’ Slimani kienet wisq ċentrali biex toħloq periklu lil Akinfeev.

Fit-tieni taqsima r-Russi ħallew lill-avversarji jidħlu fil-logħba u ta dan pattew qares għax mas-siegħa logħob l-Alġerija ġabu d-draw minn azzjoni ta’ free kick. Brahimi tefa’ cross u SLIMANI skurja bir-ras wara li approfitta minn ħarġa ferm ħażina tal-gowkliper Akinfeev. Għal Slimani dan kien it-tieni gowl tiegħu f’din it-Tazza tad-Dinja u li fisser post mal-aħħar 16.

B’dan ir-riżultat ir-Russja issa ilha ma tikkwalifika mal-aħħar 16 għal dawn l-aħħar 28 sena.