Lokali

L-Assemblea Ġenerali tal-AOM se ssir f’Malta s-sena d-dieħla

L-Assoċjazzjoni tal-Ombudsmen tal-Mediterran tilqa’ l-proposta tal-Ombudsman għat-twaqqif tal-Istitut Internazzjonali tal-Liġi tal-Ombudsman.

L-Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Ombudsmen tal-Mediterran laqgħat il-proposta tal-Ombudsman Parlamentari Malti, biex jitwaqqaf f’Malta l-Istitut Internazzjonali tal-Liġi tal-Ombudsman. L-Assemblea Ġenerali tal-AOM tlaqqat f’Tirana fl-Albania.

F’dikjarazzjoni fi tmiem l-Assemblea Ġenerali, l-AOM iddikjarat li qed tilqa’ dan il-proġett li se jkun ta’ benefiċċju għall-prinċipji tal-Ombudsman u biex isaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi.

Fid-dikjarazzjoni l-AOM inkorraġiet il-membri tagħha biex jikkollaboraw mal-Ombudsman Malti fir-realizazzjoni ta’ dan il-proġett.

Fl-intervent tiegħu, l-Ombudsman Parlamentari Malti, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino qal li “l-oġġettiv ta’ dan l-Istitut hu li jikkontribwixxi lejn żvilupp ta’ servizz pubbliku b’kultura ikkaraterizzata mill-ġustizzja, dedikazzjoni, impenn, onestà, trasparenza u kontabilità. Huwa rikonoxxut, li dawn il-valuri li kull Ombudsman hu marbut li jimplimenta, jinsabu fil-qalba ta’ dan id-dritt fundamentali u essenzjali”.

L-Assemblea ikkonfermat lill-Ombudsman Parlamentari Malti bħala Teżorier tal-Assoċjazzjoni u laqgħet ukoll il-proposta tiegħu li l-Assemblea Ġenerali tal-AOM tas-sena d-dieħla issir f’Malta.