Lokali

Malta fl-UE dokumentata fi ktieb

Il-benefiċċji li ħadet Malta fl-aħħar għaxar snin ta’ sħubija fl-UE jinsabu elenkati f’dokumenti imhejji minn Patrick Tabone li mhux biss jiffoka fuq il-kisbiet li għamlet Malta permezz tas-sħubija fl-UE iżda jħares ‘l quddiem lejn kif il-pajjiż jista’ jkompli jiżviluppa f’din l-Unjoni.

Patrick Tabone kien wieħed mill-membri tal-Core Group fin-negozjati għas-sħubija u aktar tard kap tal-Kabinett fil-perjodu meta Joe Borg kien Kummissarju Malti ghall-UE.

Ir-rapport jiffoka fuq il-pożizzjonijijiet opposti għal xulxin tal-partiti politiċi fil-proċess tas-sħubija, il-proċess ta’ negozjati, id-diffikultajiet li sabet Malta biex tissieħeb, id-dibattitu lokali u l-biżgħat marbuta mas-sħubija.

Wara dan ir-rapport jitratta l-bidliet li għamel il-pajjiż, l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fi-deċiżjonijiet tal-UE kif ukoll it-trasformazzjoni tal-ekonomiji. F’dan il-kuntest Patrick Tabone jsemmi l-fondi li kisbet Malta u l-mod kif dawn ġew investiti b’suċċess f’diversi setturi vitali tal-ekonomija fosthom l-edukazzjoni, ix-xogħol, it-taħrig tal-ħaddiema, is-settur pubbliku u l-ambjent. Mingħajr dawn il-fondi, il-pajjiż ma kinx ikun f’pożizzjoni li jwettaq il-bidliet li ġabu kwalita ta’ ħajja aħjar għall-poplu.

Dwar l-isfidi ‘l quddiem, ir-rapport isemmi kemm elementi pozittivi kif ukoll diversi sfidi. Fost dawn hemm il-mod li Malta tant tintegrat fl-UE li l-problemi tal-UE issa saru wkoll il-problemi ta’ Malta. Sfida oħra għall-Erwopa hi li diversi pajjiżi qed jeleġġu ewroparlamentari li huma ostili għall-istess unjoni. Dan irid jittiehed ukoll fil-kuntest tar-relazzjonijiet diffiċli preżenti bejn l-UE u r-Renju Unit. Ir-rapport jirriferi wkoll għall-problema tal-immigrazzjoni rregolari u jindika bhala problema fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-UE.

Patrick Tabone jsostni li biex Malta tibqa’ fuq quddiem jeħtieg li tkompli bil-programm ta’ riformi fosthom li tassigura li jitnaqqas in-numru ta’ tfal li jitilqu kmieni mill-iskola, li jiżdied l-ammont ta’ nisa li jaħdmu, li jibbilanċja l-bagit, jitnaqqs is-settur pubbliku, jikkunsidra bis-serjeta l-isfidi ta’ popolazzjoni li qed tgħix iktar u li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi fuq l-operaturi ekonomiċi. Ir-rapport jagħti wkoll prijorita lir-riformi meħtiega fis-sistema gudizzjarja biex din topera bla dewmien żejjed.

Patrick Tabone jsostni li l-istabbilita u l-kredibbilta li ġabu l-UE kienet fundamentali biex l-ekonomija Maltija baqgħet b’saħħitha fi żminijiet diffiċli. Fil-konkluzjoni Patrick Tabone juri ottimizmu ghall-futur izda jsostni li Malta għandha tibqa’ attenta għall-perikli li jeżistu għaliex m’hemmx garanziji ta’ suċċess ‘l quddiem jekk ma jkunx hemm tmexxija tajba, l-aħjar użu tar-riżorsi u ħidma kollettiva.