Qorti

Mixli b’sewqan perikoluż u nċident ta’ “hit and run” fil-konfront tad-deputati tal-PN

Ingliż ta’ 46 sena u residenti l-Pietà ġie mixli quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li permezz ta’ sewqan perikoluż ħabat ma’ karozza, u kkawża nċident ta’ “hit and run” fil-konfront tal-Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Frederick Azzopardi u Ċensu Azzopardi.
James Malcolm Towers ġie mixli b’diversi akkużi b’rabta mal-ħabta fejn fiha sofrew ġrieħi ħfief lill-Membri Parlamentari li kienu f’waħda mill-karozzi nvoluti.

Towers, li huwa minn Leeds ġie mixli li nhar l-Erbgħa li għaddew fil-Furjana saq karozza bla ma kellu liċenzja tas-sewqan u polza ta’ assikurazzjoni, saq li vettura li ma kinitx reġistrata ma’ Transport Malta, li saq bi traskuraġni, eċċeda l-limitu tal-veloċità, u li kiser il-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.

Huwa ġie mixli wkoll li kkaġuna ħsara f’karozza għad-dannu ta’ Frederick Azzopardi u li wara li kien involut f’inċident naqas li jieqaf biex jagħti d-dettalji tiegħu. Hekk kif l-Ingliż li kien qed isuq karozza minn numru ta’ reġistrazzjoni Ġermaniżi, huwa wieġeb mhux ħati.

L-Avukat difensur Jason Azzopardi, li deher f’isem iż-żewġ Membri Parlamentari, qal li ma kienx il-ħsieb oriġinali tal-klijenti tiegħu li jfittxu l-“pound of flesh”, iżda peress li ma kienx hemm ammissjoni tal-ħtija, fil-bidu tal-kumpilazzjoni huwa se jippreżenta ċertifikati mediċi dwar il-feriti ħfief li sofrew iż-żewġ Membri Parlamentari.

Minħabba f’hekk se ssir talba biex mal-akkużi tiżdied ukoll dik li l-imputat ikkaġuna feriti ħfief fuq Azzopardi u Galea. Il-Qorti ċaħdet talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk Towers baqa’ jinżamm arrestat.

Meta saru s-sottomissjonijiet mid-difiża u l-Prosekuzzjoni l-Avukat tal-akkuħat Anthony Stellini qal li l-klijent tiegħu ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 19-il sena u mhux se jaħrab minn Malta.