Grazzi għall-fondi tal-Unjoni Ewropea, il-kumpanija C&K Ciappara and Sons Limited setgħet tinvesti biex tkompli tkabbar l-operat tagħha.
Aktar kmini dalgħodu kien inawgurat proġett infrastrutturali b’valur ta’ erba’ mitt elf ewro, li aktar minn ħamsa u tletin fil-mija tagħhom ġew direttament minn fondi Ewropej.
Il-kumpanija, negozju tal-familja li jispeċjalizza fil-produzzjoni u l-ipproċessar tat-tiġieġ issa, grazzi għal dawn il-fondi, għandha faċilitajiet aktar moderni li huma mmirati biex iżidu l-produttivita’ tagħha.
Sa qabel l-investiment, il-kumpanija setgħet trabbi biss sa 8,000 tiġieġa, iżda grazzi għall-fondi tal-Unjoni Ewropea li għamluha possibbli biex isir dan l-investiment, issa, l-kumpanija tista’ tkabbar sa 24,000 tiġieġa f’daqqa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Roderick Galdes intlaqa’ fil-kumpless tal-kumpanija fil-Qrendi minn Manuel Ciappara, wieħed mid-Diretturi tal-kumpanija C&K Ciappara & Sons Limited, li spjega ma’ dan l-istazzjon li mija u ħamsin elf ewro mill-investiment totali ta’ erba’ mitt elf ġew minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-faċilitajiet il-ġodda huma aktar moderni u jinkludu sistemi teknoloġici aktar innovattivi bil-għan li jżidu l-effiċjenza fix-xogħol. Ix-xogħol, li kien jinkludi wkoll xogħol infrastrutturali beda madwar sitt xhur ilu, u ġie inawgurat uffiċjalment mis-Segretarju Parlamentari Galdes.
//= $special ?>