Kandidat għall-elezzjoni Ġenerali se jkun jista’ jonfoq sa €20,000 fuq kull distrett, għall-Parlament Ewropew sa €50,000 u għall-kunsilli lokali sa €5,000.
Il-partiti politiċi issa se jkunu regolati b’liġi ħdida li tirregola l-finzjament tagħhom u anki d-donazzjonijiet li huma jirċievu; liġi li mistennija ssib qbil fil-prinċipju bejn il-partiti.
Dettalji dwar dan l-abbozz ta’ ligi ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, u l-Kummissarju tal-LiĠijiet Franco Debono, li ppilota din il-liġi fuq abbozz li hu kien diĠà ressaq fil-leġiżlatura li għaddiet.
Il-qofol ta’ din il-liġi ġdida huma r-regoli dwar il-finanzjament tal-partiti u l-mod kif il-partiti issa jridu jirreġistraw id-donazzjonijiet li jirċievu. Se tkun il-Kummissjoni Elettorali li se jkollha l-obbligu li tistħarreġ il-kontijiet mibgħuta mill-partiti.
Apparti mill-partit bħal entità, il-ligi se tirregola wkoll l-infiq tal-kandidati f’kull elezzjoni li ssir fejn issa kanididat għall-elezzjoni Ġenerali se jkun jista’ jonfoq sa 20,000 ewro fuq kull distrett li hu jikkontesta. Fil-każ tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, din titla’ sa 50,000 ewro.
Dwar id-donazzjonijiet, il-liġi tispeċifika li se jkunu biss donazzjonijiet sa 50 ewro mill-istess persuna f’sena li jistgħu jibqgħu anonomi waqt li donazzjonijiet li jaqbżu l-500 ewro mill-istess sors iridu jkunu reĠistrati bħala kunfidenzjali.
Mhux se jkunu aċċettati donazzjonijiet ta’ iktar minn 40,000 ewro mill-istess sors f’sena. Is-self mogħti fuq kundizzjonijiet mhux kummerċjali wkoll jikkwalifika bħala donazzjoni.
Il-ligi tobbliga lill-partiti li jirreġistraw id-donazzjonijiet kollha fil-kotba tagħhom fejn dawk bejn il-500 ewro u s-7,000 ewro għandhom jitniżżlu fir-rekords tal-partiti u jridu jintwerew lill-Kummissjoni Elettorali. Ir-rapporti li l-partiti jirrappreżentaw lill-Kummissjoni Elettorali se jkunu aċċessibbli ghall-pubbliku.
Fuq il-kandidati, qed jiġu imposti diversi pieni jekk dawn ma josservawx il-liġi l-ġdida, bl-akbar fosthom tkun dik li jekk il-Qorti Kostituzzjonali ssib lil xi kandidat ħati li nefaq iktar minn dak stipulat, hu jista’ jitlef is-siġġu.
Il-partiti se jkollhom id-dritt li jiddeterminaw huma s-sena finanzjarja tagħhom, bit-teżorier iħejji rapport dwar id-donazzjonijiet tliet darbiet fis-sena u jippreżentah lill-Kummissjoni Elettorali darba fis-sena. Fil-każ tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, kandidat ma jistax jinfoq iktar minn 5,000 ewro.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega li mid-diskussjonijiet mal-partit politiċi, jirriżulta li hemm qbil bejniethom dwar il-proposti kważi kollha ħlief għall-entità li għandha tissorvelja l-proċess. Hu qal li l-Gvern iddeċieda li għandha tkun il-Kummissjoni Elettorali li tiskrutinja dan il-proċess propju għaliex din għandha r-riżorsi meħtieĠa u għaliex il-gvern se jkun qed isosntiha b’iktar riżorsi.
//= $special ?>