Qorti

Rumen kundannat 12-il xahar ħabs fuq oġġetti misruqin

Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqqset sentenza bi 18-il xahar ħabs fil-konfront ta’ Rumen.

Ir-Rumen kien l-ewwel ikkundannat 30 xahar ħabs u wara kellu s-sentenza dikjarata nulla, u issa ntbagħat 12-il xahar ħabs b’rabta mal-istess każ.

Geani Roberto Morin kien ġie akkużat li fid-19 ta’ Awwissu 2012 seraq telefon ċellulari, qmis u jeans kif ukoll li kellu strument li jaqta’ u bil-ponta.

Fit-3 ta’ Diċembru huwa kien instab ħati u waqt li qieset li matul il-kawża Morin kien ħarab minn Malta, il-Qorti tal-Maġistrati ordnat li fil-konfront tiegħu tidħol fis-seħħ sena ħabs li kienet ġiet sospiża u 18-il xahar ħabs għar-reati li nstab ħati dwarhom.

Huwa appella mis-sentenza u fis-27 ta’ Marzu li għadda l-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħżallef Michael Mallia, annullat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati għax qalet li l-Qorti tal-Maġistrati ma ndikatx l-artikli fuq ir-reati li sabitu ħati tagħhom.

Minkejja dan, b’sentenza mogħtija mill-istess Imħallef Mallia il-Ġimgħa, 27 ta’ Ġunju, huwa qal li jaqbel mal-Qorti tal-Maæistrati meta sabet lil Morin ħati li kellu ħwejjeġ misruqin imma mhux li seraq. Kien għalhekk li huwa ikkundannah għal 12-il xahar ħabs fuql-l-oġġetti misruqin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef waqt li għal Morin deher l-Avukat Roberto Montalto.