Lokali

Studenti jesebixxu x-xogħlijiet fl-MCASTExpo 2014

Informazzjoni dwar korsijiet li studenti prospettivi jistgħu jidħlu fihom mis-sena skolastika li ġejja

Fl-aħħar ġimgħat bdew jintużaw laboratorji u klassijiet fl-Istitut tal-Applied Sciences fil-kampus il-ġdid tal-MCAST, u ġie inawgurat ukoll il-bini tal-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ, faċilitajiet li jagħmlu parti minn investiment ta’ 120 miljun ewro li sar minn Gvern Nazzjonalista

Il-kampus tal-MCAST bħalissa għandu l-bibien tiegħu miftuħin għal kull min irid iżur l-MCAST Expo 2014, li nfetħet nhar it-Tlieta li għadda bil-għan li tesebixxi dak li l-MCAST tista’ toffri għal studenti prospettivi.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ilbieraħ żar l-MCAST Expo, li qed tittella’ fil-binjiet il-ġodda tal-kampus il-ġdid tal-MCAST, fosthom fil-bini tal-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ, li ġie inawgurat ftit tal-ġimgħat ilu.

Matul iż-żjara tiegħu, Simon Busuttil kellu l-opportunità li jara mill-qrib numru ta’ xogħlijiet tekniċi u mekkaniċi u oħrajn li għamlu l-istudenti stess tal-Kulleġġ.

L-MCAST Expo mhux qed tittella’ biss biex tagħti informazzjoni dwar korsijiet li studenti prospettivi jistgħu jidħlu fihom mis-sena skolastika li ġejja, iżda għandha wkoll l-għan li tesebixxi x-xogħol li jsir matul is-sena mill-istudenti stess.

Fl-aħħar ġimgħat bdew jintużaw laboratorji u klassijiet fl-Istitut tal-Applied Sciences fil-kampus il-ġdid tal-MCAST, aktar tard ġie inawgurat ukoll il-bini tal-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ, kollha faċilitajiet li jagħmlu parti minn investiment ta’ 120 miljun ewro li sar minn Gvern Nazzjonalista bil-għan li l-istudenti u l-għalliema tal-MCAST jinġabru kollha f’kampus wieħed f’Raħal :did fost l-aqwa faċilitajiet possibbli.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, Joe Cassar, u t-tnejn intlaqgħu mill-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST, Stephen Cachia, kif ukoll mill-President tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Kulleġġ, Silvio De Bono.

Kemm il-Kap Eżekuttiv kif ukoll il-President tal-Bord tal-Gvernaturi akkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni waqt li dan żar diversi stands li nkludew xogħlijiet minn studenti ta’ istituti differenti fi ħdan il-Kulleġġ, kumpaniji u negozji mill-industrija bil-għan li jispjegaw lill-istudenti prospettivi x’opportunitajiet jeżistu fl-industrija kif ukoll għalliema tal-Kulleġġ li spjegaw l-għażla tal-korsijiet li wieħed jista’ japplika għalihom fl-MCAST.

L-MCAST Expo issir kull sena u tagħlaq għada is-Sibt.