Lokali

Tliet kwarti tal-Maltin jilagħbu logħob diġitali, video games u logħob fuq l-Internet

Stħarrig nazzjonali ppreżentat mill-Universita’ ta’ Malta jistabilixxi diversi fatti dwar il-logħob diġitali u l-logħob fuq l-internet mill-Maltin.

Jirriżulta li 74 fil-mija, kwazi tliet kwarti tal-poplu Malti, jilgħabu video games u logħob ieħor diġitali fuq l-internet. 62 fil-mija minn dawn huma irġiel waqt li 53 fil-mija tal-popolazzjoni jilagħbu dan il-logħob mill-inqas darba fil-ġurnata.

Dettalji dwar l-istħarrig li sar minn tliet fakultajiet tal-Universita’ differenti, l-edukazzjoni, l-ICT u x-xjenza – ingħataw waqt preżentazzjoni indirizzata mis-Segretajru Parlamentari Jose Herrera u s-Senior lecturer Alexei Dingli u li għaliha attendiet ukoll il-Kelliem tal-Oppozizzjoni dwar is-settur Kristy Debono.

L-istudju kien finanzjat mill-Awtorita’ Maltija tal-Komunikazzjoni u sar fl-2012.

L-istatistika tikkonferma wkoll li 65 fil-mija tat-tfal intervistati wkoll jilagħbu dan it-tip ta’ logħob iktar minn darba kuljum filwaqt li l-istess persentaġġ ta’ żgħażagħ jilaghbu ghal saghtejn jew iktar kuljum.

Jirrizulta li 97.6 fil-mija ta’ dawk li jilagħbu l-logħob diġitali huma tfal bejn it-tlieta u s-sitt snin waqt li hemm 88.7 fil-mija tat-tfal bejn is-7 u t-12-il sena li jilagħabu dan it-tip ta’ loghob, kif ukoll 84 fil-mija fl-eta’ bejn it-13 u l-24 sena. Huma l-persuni li għandhom bejn 25 u 54 sena l-inqas li jilgħabu logħob diġitali fuq l-internet.

33 fil-mija tal-parteċipanti fl-istħarrig, fl-eta’ bejn is-7 u l-54 sena, ikkonfermaw li huma jippreferu li jużaw kompjuter jew laptop biex jilagħbu dan il-logħob waqt li kienu biss 9.5 fil-mija li qalu li jippreferu li jilagħbu l-logħob fuq tablet.

Mill-istħarriġ irriżulta li b’mod ġenerali l-Maltin iħobbu jilagħbu fuq l-internet darba kuljum għal madwar siegħa għalkemm il-persuni li jilagħbu għal diversi sigħat fil-fatt jispiċċaw bejn erba’ u sitt sigħat jilagħabu.

L-aktar logħbiet popolari mal-Maltin huma l-puzzles games bħat-Tetris u Solitaire flimkien ma’ Action games bħal Call of Duty u Grand Theft Auto. Filwaqt li l-adulti iktar jippreferu logħob bħal Call of Duty, iż-żgħar iktar jagħżlu logħob ta’ avventuri bħal Legend of Zelda jew Tomb Raider. F’dawk li huma t-tipi ta’ logħob, l-aktar popolari huma t-tiġrijiet tal-karrozzi, logħob marbut ma’ sport u online social games.

L-akbar ammont ta’ persuni li wieġbu l-istħarriġ iddikjaraw li huma jilagħbu biex jieħdu gost għalkemm hemm raġunijiet oħra miġjuba minn dawk li wieġbu l-istħarrig, fosthom biex jirrilassaw, għall-element ta’ sfida, għax jitgħallmu u saħansitra biex jaħlu l-hin.