Illum kien imniedi l-Valletta International Visual Arts Festival 2014 li se jsir f’Malta għall-ewwel darba bejn l-1 u s-7 ta’ Settembru li ġej.
L-avveniment, li se jkun magħruf fil-qosor bħala VIVA, tnieda fiċ-Ċentru għall-Kreattivita’ fil-Kavallier ta’ San Gakbu fil-Belt Valletta u waqt l-attivita’ li saret fit-terazzin ta’ St James’ Cavalier, tħabbar il-programm ta’ dan l-festival li huwa wieħed li jipprometti repertorju interessanti ta’ artisti viżivi kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Dawn se jinkludu lil Mieke Bal, Democracia, Austin Camilleri u JP Azzopardi fost oħrajn. Il-festival se jitfa’ lenti fuq artisti żgħażagħ emergenti permezz ta’ wirja li tippreżenta prattiċi artistiċi kontemporanji mħaddna minn artisti żgħażagħ Maltin li jesploraw il-divergenza tal-ħsieb.
Għat-tnedija ta’ dan il-progett kien hemm preżenti l-Ministru responsabbli mill-Kultura Owen Bonnici flimkien ma’ Chris Agius, is-Segretarju Parlamentari għar-Ricerka, Innovazzjoni, żgħażagh u Sport.
Il-Ministru Owen Bonnici qal li “fil-kuntest taċ-ċelebrazzjonijiet li ser iwasslu għal Valletta 2018, huwa essenzjali li s-settur kreattiv jiġi żviluppat, b’mod partikolari il-forom ta’ arti viżiva, li soffrew għadd ta’ lakuni matul is-snin.”
Raphael Vella, Direttur Artistiku tal-Festival, stqarr li “VIVA ser isservi bħala pjattaforma ġdida għall-prattikanti tal-arti, filwaqt li toffri edukazzjoni professjonali flarti u tippromwovi l-parteċipazzjoni pubblika fis-settur.”
Il-Festival VIVA se jiġi organizzat miċ-Ċentru tal-Kreattività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Fondazzjoni Valletta 18 u Agenzija żagħżagħ bl-għajnuna tal-Arts Council Malta.
//= $special ?>