BRAŻIL…………………1
ĊILE………………………1
(Brażil jirbħu 3-2 bil-penalties)
Brażil> Julio Cesar, Alves, Silva, Luiz, Fernandinho (Ramires 72′), Marcelo, Hulk, Fred (Jo 64′), Neymar, Oscar (Willian 106′), Gustavo
Ċile> Bravo, Mena, Isla, Silva, Sanchez, Vidal (Pinilla 87′), Vargas (Gutierrez 57′), Medel (Rojas 108′), Jara, Aranguiz, Dias
Imwissija> Mena, Silva, Pinilla (Ċ), Hulk, Gustavo, Jo, D. Alves (B)
Skurjaw> Luiz 18′ (B) , Sanchez 32′ (Ċ)
Referee> Howard Webb (ENG)
Il-Brażil kellhom bżonn imorru għall-għoti tal-penalties biex eliminaw liċ-Ċile wara li l-partita intemmet fi draw ta’ 1-1. Iċ-Ċile offrew sfida mill-aqwa lill-Brażil u kienu sfortunati li laqtu l-lasta lejn l-aħħar tal-ħin barrani.
Il-kowċ tal-Brażil Scolari beda bil-midfielder ta’ Man City Fernandinho minflok Paulinho quddiem id-difiża. Id-difensur ta’ Chelsea David Luiz irkupra minn injury ħafifa f’daharu u beda mal-ewwel 11. Għaċ-Ċile irritorna mal-ewwel 11 il-midfielder Arturo Vidal wara li kien imserraħ fl-aħħar logħba tal-gruppi kontra l-Olanda. Gary Medel irkupra minn injury u beda mill-bidu. Fl-ewwel taqsima l-Brażil kienu superjuri u wara li marru fil-vantaġġ iċ-Ċile ġabu d-draw kontra x-xejra tal-logħob. Wara biss erba’ minuti l-Brażil rebħu corner u u mill-corner mogħti minn Hulk, Marcelo ipprova xutt li mar barra.
Minuta wara waslet reazzjoni taċ-Ċile u kien Dias li ipprova xutt li mar barra. Il-Brażiljani ipprotestaw għall-penalty meta fit-12-il minuta Hulk waqa` mal-kuntatt li kellu ma’ Isla imma r-referee Ingliż Howard Webb ħalla l-logħob għaddej. Ħames minuti wara l-Brażil rebħu corner meta Bravo sala free kick ta’ Thiago Silva. Mill-corner mogħti mill-istess Silva, id-difensur l-ieħor David LUIZ għola tajjeb u b’daqqa ta’ ras poġġa l-ballun fix-xibka għal skor ta’ 1-0. Għal dan id-difensur li għadu kemm iffirma ma’ PSG dan kien l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk nazzjonali Brażiljan.
Ir-risposta taċ-Ċile kienet waħda ineżistenti u l-Brażil komplew jippressaw din id-darba permezz ta’ Neymar li daħal fil-kaxxa imma ra x-xutt tiegħu jmur kemmxejn barra. Filwaqt li l-Brażil kienu qed jikkontrollaw il-logħba, iċ-Ċile ġabu d-draw approfittaw minn mument ta’ nuqqas ta’ konċentrazzjoni fid-difiża. Dan meta Silva mar iqassam lura imma l-pass tiegħu kien wieħed qasir u Vargas seraq il-ballun u qassam lejn SANCHEZ li b’xutt fil-baxx għeleb lil Julio Cesar għal 1-1.
It-tieni taqsima kienet waħda aktar bilanċjata imma l-ebda tim ma irnexxielu jsib ix-xibka. Erba’ minuti mill-bidu ta’ din it-taqsima kienu l-Brażiljani li kellhom l-ewwel ċans permezz ta’ Fernandinho li kellu xutt li mar kemmxejn barra.
Fit-53 minuta Hulk ħaseb li kien poġġa lil pajjiżu fil-vantaġġ meta ikkontrolla ballun u fajjar xutt li għeleb lil Bravo imma l-gowl tħassar għax l-assistent referee qal li Hulk niżżel il-ballun b’idu u ta’ dan fil-fatt kien ammonit. Fil-65 minuta ċ-Ċile kellhom ċans kbir li jiskurjaw imma Julio Cesar ċaħħad lil Aranguiz b’save mill-aqwa.
Il-partita kompliet tkun bilanċjata u 10 minuti mit-tmiem Neymar tilef ċans meta kellu daqqa ta’ ras li kienet wisq ċentrali. L-aħħar azzjoni denja ta’ nota qabel ma l-partita marret għall-ħin barrani kien ta’ Hulk li qabeż żewġ difensuri u kellu t-tentattiv tiegħu salvat minn Bravo.
Iċ-Ċile kienu ferm sfortunati meta minuta qabel ma l-logħba marret għall-għoti tal-penalties is-sostitut taċ-Ċile Pinilla laqat il-mimduda b’xutt b’saħħtu b’Cesar megħlub. Il-Brażiljani Willian u Hulk fallew il-penalties tagħhom imma ċ-Ċile fallew penalty aktar minnhom. Pinilla u Sanchez kellhom il-penalty tagħhom salvat minn Cesar filwaqt li Jara laqt il-lasta. Il-penalty li falla Jara fisser li l-Brażil għaddew għall-fażi li jmiss.
//= $special ?>
