Internazzjonali

Estensjoni tal-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna

Ftit siegħat wara li ffirma ftehim ta’ assoċazzjoni ma’ l-Unjoni Ewropea l-President tal-Ukrajna Petro Poroshenko estenda l-waqfien mill-ġlied fil-lvant tal-pajjiż bi tlett ijiem oħra. Poroshenko saħaq li l-għan ta’ din l-estensjoni kienet it-tama’ li l-pjan ta’ paċi li huwa ħabbar l-ġimgħa l-oħra jirnexxi.

Minn naħa tagħhom is-separatisti kellhom reazzjoni mħallta. Uħud f’Donetsk u Luhansk qalu li kienu ser jirispettaw dan il-waqfien mill-ġlied. Oħrajn iżda nsistew li kienu ser ikomplu bil-battalja tagħhom kontra l-gvern ta’ Kiev.

L-istess separatisti l-bieraħ kellhom laqgħat ta’ djalogu mal-eks President Ukren Leonid Kuchma, l-ambaxxatur Russu fl-Ukrajna u rappreżentanti mill-OSCE.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergei Lavrov kien kawt fis-sapport tiegħu lejn l-estensjoni għal waqfien mill-ġlied filwaqt li l-President Vladimir Putin saħaq li kien hemm ħtieġa ta’ perjodu itwal sabiex isiru diskussjonijiet bejn il-gvern ta’ Kiev u s-separatisti.