Għawdex Lokali

Ġemellaġġ bejn għaqdiet fin-Nadur u Birżebbuġa

Għaqdiet fi ħdan il-lokalitajiet tan-Nadur u Birżebbuġa iffirmaw ġemellaġġ sabiex jikkolaboraw f’inizjattivi soċjo-kulturali.

Din il-kollaborazzjoni se tinkludi fost oħrajn skambji ta’ tagħlim dwar snajja marbuta ma festi bhal l-ifurmar ta’ pavaljuni u armar kif ukoll parteċipazzjoni f’attivitajiet soċjali fil-lokalitajiet ta’ xulxin.

L-għaqdiet li se jipparteċipaw f’dan il-ġemellaġġ huma l-għaqda mużikali San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa, is-Soċjeta Filarmonika San Pietru Birżebbuġa kif ukoll l-għaqda tal-armar Triq Diċembru Tlettax tan-Nadur. Dawn iż-żewġ lokalitajiet għandhom xi ħaġa komuni hekk kif it-tnejn li huma għandhom il-San Pietru bħala wieħed mill-patruni tagħhom.

Din il-kollaborazzjoni ingħatat bidu b’mod uffiċjali il-Ħamis li għadda fil-jum tat-tridu tal-festa tan-Nadur, meta l-gruppi ta’ Birżebbuġa ġew mistiedna sabiex jipparteċipaw f’marċ fin-Nadur u ingħataw l-opportunita’ sabiex jerfgħu l-istatwa tal-festa.

L-għaqdiet ta’ Birżebbuġa ġew ukoll milqugħa fil-kunsill lokali tan-Nadur fejn saret laqgħa informali li matulha ġew diskussi modi ta’ kif din il-kollaborazzjoni tista’ tkompli tikber għall-benefiċċju tar-residenti taż-żewġ lokalitajiet.