Għawdex Lokali

Il-Fondazzjoni Oasi torganizza diskussjoni nazzjonali dwar id-droga

Fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji kontra d-droga il-Fondazzjoni Oasi organizzat diskussjoni nazzjonali dwar id-droga u dwar id-dibattitu li għaddej bhalissa fejn aktar kmieni din is-sena l-Gvern stqarr li għandu pjan li jiddikriminalizza l-użu tad-droga, liema użu sal-lum huwa llegali.

L-attivita kienet immexxija minn Dr Andrew Azzopardi u kienet magħmula minn żewġ panels ta’ esperti u opinjonisti li żviluppaw it-tema tad-diskussjoni

Fost id-diversi kelliema kien hemm il-kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Familja u Solidarjeta Soċjali Clyde Puli, il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta Soċjali Michael Farrugia, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilta u anzjanita’ attiva Justyne Caruana.

Fl-intervent tiegħu Clyde Puli semma kif fl-2011 Gvern Nazzjonalista kien ħareġ għall-konsultazzjoni, proposta ta’ riforma mressqa mill-Kummissjoni Nazzjonali kontra l-Abbuż tad-droga, l-Alkoħol u dipendenzi oħra.

Il-proposta kienet tgħid li meta persuna tinqabad għal ewwel darba bid-droga l-arrestat jiġi mgħarraf b’żewġ għażliet bejn li jidħol fl-Arrest Referral Scheme jew li jgħaddi mill-proċess regolari u jitressaq quddiem il-Qorti. Clyde Puli qal illi hekk kif il-gvern stqarr li għandu l-pjanijiet li jiddikriminalizza l-użu tad-drogi, sabiex wieħed ikun jista jiddisukiti dan kif jixraq, jeħtieġ li ikollna f’idejna il-proposti konkreti tal-Gvern, li sal llum qal Clyde Puli, jekk miktuba għadhom mhux ippublikati.

Fid-diskors tiegħu il-Ministru Farrugia iffoka fuq riformi li jistgħu jsiru sabiex itejbu is-sistema.

Huwa qal li kull settur għandu jispeċjalizza biex jingħata servizz aħjar lil min hu fil-bżonn. Semma wkoll li l-White Paper ser tkun mibnija fuq kunċett prinċipali li vittma ma tmisx mal-qorti, għax il-qorti minnha nnifisha titfa timbru fuq il-persuna.

Justyne Caruana tkellmet fuq il-ħtieġa li wieħed għandu jkun iżjed sensittiv fuq is-setturi tal-qasam soċjali. Hi sostniet li hemm bżonn ta’ iżjed kollaborazzjoni bejn l-istakeholders ikkonċernati f’dawn l-oqsma, filwaqt li faħħret il-ħidma tal-Fondazzjoni OASI .

Matul din id-diskussjoni saru ukoll interventi minn individwi li fil-passat għexu l-esperjenza tal-vizzju tad-droga u anke attendew programm ta’ rijabilitazzjoni.