Il-Partit Nazzjonalista l-bieraħ iffirma u ppreżenta dikjarazzjoni ta’ appoġġ għall-poplu Iranjan u esprima tħassib għan-nuqqas ta’ ħarsien tad-drittijiet umani fl-Iran, waqt il-konferenza “All for Freedom” li ġiet organizzata f’Pariġi mill-Kunsill Nazzjonali tar-Resistenza fl-Iran. Dan il-Kunsill Nazzjonali jaħdem fl-eżilju u jwettaq il-ħidma tiegħu favur id-drittijiet umani u l-ugwaljanza fl-Iran minn Franza.
Il-konferenza organizzata f’Pariġi ġabet flimkien aktar minn 100,000 persuna, inkluż għadd kbir ta’ delegazzjonijiet barranin minn pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti. Il-laqgħa ġiet indirizzata fost oħrajn minn Rudy Giuliani, li kien is-sindku ta’ New York meta seħħ l-attakk terroristiku ta’ Settembru 11, 2001. Tkellmu wkoll uffiċjali għolja li mexxew il-koalizzjoni ta’ tmexxija fl-Iraq, kif ukoll diversi eks Prim Ministri oħrajn. Il-Partit Nazzjonalista kien irrappreżentat f’din il-laqgħa mid-Deputati Mario Galea u Robert Cutajar.
Waqt il-laqgħa, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista ltaqgħet fost oħrajn mal-President-Eletta tal-Kunsill Nazzjonali tar-Resistenza fl-Iran Maryam Rajavi u fejn ġiet iffirmata u ppreżentata dikjarazzjoni ta’ appoġġ. F’din id-dikjarazzjoni l-Partit Nazzjonalista kkundanna l-abbużi u l-atroċitajiet li qed iseħħu fl-Iran u f’Camp Liberty fl-Iraq.
Il-Partit Nazzjonalista esprima tħassib għall-fatt li f’dawn l-aħħar xhur fl-Iran xejn inqas minn 700 Iranjan ġew maqtula filwaqt li eluf ta’ priġunieri politiċi qed jintbagħtu l-ħabs jew jiġu ttorturati minħabba t-twemmin tagħhom. Fid-dikjarazzjoni li ffirma, il-Partit Nazzjonalista appella biex il-komunità internazzjonali tagħti aktar każ tal-abbuż ma jaqta’ xejn tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.
Il-President-Eletta tal-Kunsill Nazzjonali tar-Resistenza fl-Iran Maryam Rajavi rringrazzjat lill-Partit Nazzjonalista għall-appoġġ tiegħu għall-kawża tal-poplu Iranjan u qalet li l-poplu Iranjan żgur mhux se jinsa l-appoġġ u s-solidarjetà li qed isib mill-Partit Nazzjonalista favur id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran f’dawn iż-żminijiet diffiċli.
//= $special ?>