Lokali

Il-PN jesprimi tħassib dwar kif il-gvern qiegħed jitnikker

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li jinsab imħasseb għall-fatt li issa qiegħed joħroġ biċ-ċar li l-Gvern bi ħsiebu jitnikker minflok ma jgħaġġel sabiex jippubblika l-liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika u sabiex jgħaddi l-istess liġi mill-Parlament bħala prijorità meħtieġa biex ikun hemm ħarsien tal-aġir korrett u etiku fil-ħajja pubblika, b’mod partikolari mill-Membri Parlamentari kollha, inklużi l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.

Il-Partit Nazzjonalista qal li qiegħed jesprimi dan it-tħassib għaliex f’laqgħa li għada kif saret f’Malta ma rappreżentanti tal-GRECO, li hija preċiżament l-organizzazzjoni li taħdem sabiex tiżgura t-tħaris tal-istandards fil-ħajja pubblika, il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, fil-preżenza tad-Deputati Nazzjonalisti Francis Zammit Dimech u Ryan Callus, qal li l-Gvern jinsab impenjat li jdaħħal din il-liġi fis-seħħ matul il-leġislatura preżenti. Dan ifisser li l-Gvern jista’ jdum sa erba’ snin oħra sabiex idaħħal din il-liġi fis-seħħ.

L-istqarrija tkompli tgħid li dan qed iseħħ wara li kien inħatar kumitat tal-Parlament fejn sar sforz kbir biex ikun hemm abbozz ta’ liġi li fuqha jkun hemm qbil unanimu u filfatt, aktar minn xahar ilu, fl-20 ta’ Mejju 2014, tressaq l-ewwel qari ta’ din il-liġi fuq proposta tal-Viċi Prim Ministru Louis Grech u li kien issekondat mid-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li ta’ min ifakkar li l-kumitat tal-Parlament kien inħatar wara li fit-30 ta’ Settembru 2013, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien ressaq mozzjoni fil-Parlament fejn elenka diversi każi ta’ ksur ta’ etika u aġir skorrett min-naħa tal-membri tal-Gvern, u li kien talab li jkun hemm strutturi adekwati fil-pajjiż biex tiġi mħarsa l-imġieba pubblika.

Il-Kumitat maħtur wara l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni u mozzjoni oħra mressqa mill-Viċi Prim Ministru ħadem b’rittmu mgħaġġel u sas-16 ta’ Diċembru 2013 kien hemm qbil fuq rapport ad interim b’mod unanimu bejn il-membri kollha ta’ dak il-kumitat tkompli l-istess stqarrija. Fl-10 ta’ Jannar 2014, il-Kap tal-Oppożizzjoni kiteb lill-Ispeaker biex jesprimi li l-Oppożizzjoni taqbel mal-linji ġenerali tal-istess rapport u ħeġġeġ sabiex jintemm ix-xogħol tal-kumitat u jitressaq minnufih l-abbozz finali għad-diskussjoni fil-Parlament spjega l-Partit Nazzjonalista.

Wara l-ewwel qari li sar fl-20 ta’ Mejju, wieħed kien jistenna li l-Gvern jippubblika immedjatament l-abbozz tal-liġi u jqiegħdu għad-diskussjoni fil-Parlament. Minflok, issa nafu li l-Gvern kull ma qiegħed jimpjena ruħu li jagħmel hu li jressaq u jiddiskuti dan l-abbozz xi darba matul l-erba’ snin li ġejjin. Dan assolutament mhux aċċċettabbli u juri li l-Gvern ma jridx li jkun hemm strutturi adegwati biex jgħassu favur l-aġir korrett u etiku min-naħa tal-Membri Parlamentari, b’mod partikolari min-naħa tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari ttemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.