Il-kunsilli lokali ta’ Pembroke, Tas-Sliema, Ħal Kirkop, Ħ’Attard u Paola rebħu unuri fir-riċiklaġġ matul it-tieni edizzjoni tal-GreenPak Local Council Awards organizzata mill-GreenPak Cooperative Society. Dawn l-awards iservu biex jirrikonoxxu dawk il-kunsilli lokali li ddistingwew ruħhom fir-riċiklaġġ tal-iskart u b’riżultat t’hekk tejbu l-ambjent tal-lokalità. Tlett kunsilli lokali kienu nnominati f’kull waħda mis-sitt kategoriji.
Il-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke rebaħ il-‘Best Overall Performance’ għat-tieni sena konsekuttiva b’rata ta’ irkuprar ta’ skart li tlaħħaq it-58 fil-mija, filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema rebaħ l-unur ta’ ‘Most Supportive Locality’. L-unuri ta’ ‘Best Performance: Recycling Bag’ u ‘Best Performance: Household Glass’ intrebħu mil-lokalitajiet ta’ Ħal Kirkop u Ħ’Attard rispettivament. Il-Kunsill Lokali ta’ Paola rebaħ ‘Most Improved Locality’ b’titjib ta’ 75 fil-mija f’dak li hu riċiklaġġ.
Għall-ewwel darba, il-Fondazzjoni Inspire nediet l-unur ta’ ‘The Inspire Foundation Award’ bħala tifkira ta’ apprezzament lil dawk il-kunsilli lokali li pparteċipaw fil-kampanja ta’ ġbir ta’ ħwejjeġ li saret is-sena l-oħra. Fost il-ħafna kunsilli lokali li pparteċipaw f’din l-attività biex jiġbru flus għall-Fondazzjoni Inspire, ir-residenti ta’ Kirkop ġabru l-akbar ammont ta’ ħwejjeġ użati, medja ta’ 4kilo ta’ ħwjjeġ għal kull dar. B’hekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop kiseb t-tieni premju tas-serata.
Għal din iċ-ċerimonja, li għaliha attendew aktar minn 100 sindku, segretarji eżekuttivi u kunsilliera, kien hemm preżenti l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo. Waqt id-diskorsi tagħhom ferħu lill-Kunsilli Lokali u inkuraġġuhom biex jibqgħu jtejbu dawn ir-riżultati ħalli Malta tilħaq il-miri stabbiliti mill-UE.
Minbarra t-trofew u ċ-ċertifikat f’kull kateġorija, il-kunsilli lokali rebbieħa ingħataw premju ta’ €1,000 biex iservu ta’ appoġġ għal proġetti ambjentali li permezz tagħhom il-lokalità u r-residenti stess jibbenefikaw direttament.
//= $special ?>