Issa li l-mexxejja tal-Unjoni Ewropea taw l-approvazzjoni tagħhom biex Jean Claude Juncker ikun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, l-attenzjoni issa daret għal min se jimla l-karigi l-oħra fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu fis-16 ta’ Lulju biex jiddeċiedu min se jimla dawn il-karigi li jvarjaw mill-kap tal-politika barranija tal-UE għall-Kummissarju nkarigat mill-Ekonomija. Dan irid isir qabel ma jintemm il-mandat ta’ din il-Kummissjoni fil-31 ta’ Ottubru.
Fil-każ tal-kap tal-politika barranija qed jissemgħu il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Taljan Federica Mogherini u Kristalina Georgieva, l-Kummissarju Ewropew preżenti għall-Affarijiet Umanitarji li hi mill-Bulgarija. Fil-każ tal-Kummissarju inkarigat mill-ekonomija l-eks Ministru Franċiz Pierre Moscovici esprima l-interess personali tiegħu. Minn naħa l-oħra l-Ministru tal-Ekonomija ta’ Spanja Luis de Guindos qed jisemma għal President tal-Eurogroup, l-grupp li jgħaqqad il-pajjiżi li jużaw l-Ewro għalkemm l-Olandiż Jeroen Dijsselbloem li jokkupa l-kariga fil-preżent jinstab interessat f’mandat ieħor.
Fejn jidħol is-suċċessur ta’ Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew, l-ismijiet li ħarġu s’issa kienu dawk tal-Prim Ministru Daniża Helle Thorning Schmidt kif ukoll l-eks Prim Ministru Taljan Enrico Letta.
Ir-riżultat finali jkun frott negozjati iebsa wara l-kwinti bejn il-Gvernijiet tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
//= $special ?>